Thursday, March 28, 2024

Ara: “Victor twieled b’qalb tad-deheb… kien bniedem mibgħut minn Alla b’missjoni preċiża”

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

“Victor kien bniedem mibgħut minn Alla b’missjoni preċiża – dik li jrodd lura l-ħajja lit-trabi u t-tfal imfarfrin mhedda minn mard terminali.”

Hekk qal Patri Anton Briffa waqt iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajja ta’ Dr Victor Calvagna li saret l-Erbgħa wara nofsinhar fil-Bażilika ta’ Marija Assunta fil-Mosta. It-temp griż kien l-isfond ta’ dieqa li nħasset fil-Mosta hekk kif ħafna persuni marru biex jagħtuh l-aħħar tislima.

Ritratt: Roger Azzopardi

Patri Briffa qal: ”Victor twieled b’qalb tad-deheb. Ma kinitx l-iskola jew l-università li għamluh hekk. Victor twieled minn ġuf ommu b’qalb tad-deheb. Kien ixxurtjat li twieled fil-familja li twieled u li ltaqa’ ma’ edukaturi li għenuh jikber u jiżviluppa t-talenti tiegħu u kien ixxurtjat li sab lil mara tiegħu, bint żewġ infermiera. Victor kien mgħaġun u maħdum minn dan kollu flimkien imma fl-aħħar mill-aħħar kien hu li ħolom, ħadem, stinka u li dejjem refa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet li ħa.”

Ritratt: Roger Azzopardi

Żied jgħid:”F’dawn il-ġranet sirt naf bi stejjer li qatt ma kont smajt bihom. Meta twaqqfet il-Fundazzjooni Puttinu Cares, l-attività tagħha bħala fundraising kienu għadhom fil-bidu. Fis-sena ta’ wara, familja Maltija telgħet bit-tifel għall-kura f’Londra, inqala intopp f’dar immexxija minn sorijiet Maltin. Din il-familja kellha titlaq minn din id-dar u sabu kamra ġo lukanda jħallsu mitt sterlina kuljum. Victor ċempel lill-missier biex isir jaf aħbarhom u sar jaf dwar dan. Dak il-ħin Victor kien waqt riċeviment ma’ sħabu tobba. Kif qata’ mit-telefonata, tkellem ma’ sħabu t-tobba u għamlu ġabru u Victor bagħat il-flus lil dan il-missier.”

Fakkar kif illum il-Fondazzjoni Puttinu Cares għandhom id-djar f’Londra biex tfal morda u l-familjari tagħhom isibu saqaf fuq rashom u persuni lesti li jgħinuhom fid-diffikultajiet tagħhom.

Huwa ddeskrivih bħala bniedem umli u bniedem bħalna.  “Huwa dan il-mertu tiegħu, minkejja kien bniedem bħalna għamel dan il-ġid kollu u ħalla warajh opra qaddisa u tant persuni li meta kienu żgħar ma kellhomx tama li se jgħixu ħajjithom. II-kelma t’Alla li sema Sibt wara Sibt fil-Knisja ta’ Għajn Dwieli tidher f’dak li għamel Victor fil-ħajja tiegħu. Victor se jibqa’ jgħix fit-tfal li permezz tiegħu sabu ħajja ġdida u se jsib oħrajn jistennew biex jilqugħ fid-dinja l-oħra.”

Ritratt: Roger Azzopardi

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja tiegħu, fost l-oħrajn spikkka l-fatt li numru kbir ta’ tfal u żgħażagħ poġġew fjura ħdejn it-tebut tiegħu bħala simbolu ta’ ringrazzjament għall-kontribut tiegħu fil-fejqan tagħhom, turija ċara tal-impatt kbir li kellu fuq is-soċjetà. Għall-funeral attendew ukoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-Prim Ministru Robert Abela.

Ritratt: Roger Azzopardi

Barra qraba, ħbieb u persuni distinti fil-knisja, għadd ta persuni segwew il-funeral minn fuq iz-zuntier u l-madwar hekk kif il-quddiesa xxandret fuq big screen. Fl-inħawi kien hemm membri tal-Pulizija li għenu biex jikkontrollaw it-traffiku.

YouTube video

Dr Calvagna kien ħa l-ispeċjalizzazzjoni tiegħu ġewwa Royal Marsden Hospital fl-Ingilterra u kien l-ewwel konsulent Malti tat-tfal morda bil-kanċer. Kien hu t-tabib li għolla r-rata ta’ fejqan għal 80%.

Fit-28 ta’ Diċembru Dr Calvagna sofra minn ġrieħi serji wara li ttajjar qrib l-Akwarju Nazzjonali fil-Qawra. Minn dakinhar tal-inċident, il-poplu Malti ngħaqad fit-talb biex dan il-konsulent uniku jirritorna lura fuq xogħlu u jerġa’ jkun jista’ jaħdem għall-pazjenti ċkejknin li tant għandhom bżonnu u li tant kien iħobb.

Sfortunatament huwa ħalla din id-dinja fl-4 ta’ Jannar fl-età ta’ 63 sena. Ftit tal-jiem qabel bintu kienet qalet li missierha kien tilef 95% tal-funzjoni tal-moħħ. 

Il-memorja tiegħu se tibqa’ għal dejjem tant li fl-aħħar jiem tħabbar li d-Dipartiment tat-tfal f’Mater Dei se jissemma’ għalih.

Ritratt: Roger Azzopardi
Ekonomija

Sport