F’attività li ttellgħet aktar kmieni f’Ħal Far, li kienet tinvolvi wirja ta’ trakkijiet u esebizzjonijiet oħra, inġabru fondi b’risq il-Fondazzjoni Puttinu Cares. Din l-attività bl-isem “It’s All About Trucks” ġiet organizzata b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tad-Drag Racing (MDRA).

Dawk kollha li attendew setgħu jieħdu ritratti ma’ dawn il-vetturi mill-isbaħ filwaqt li kien hemm min, inkluż tfal ta’ etajiet iżgħar, li saħansitra daħlu fihom sabiex jaraw x’ikun hemm fuq ġewwa tal-vettura.

Barra minn hekk, f’din l-attività ntramaw tined fejn wieħed seta’ jakkwista mudelli ċkejknin ta’ trakkijiet u vetturi oħrajn. Ma naqsux ukoll il-wirjiet ta’ saħħa minn Paul Grima magħruf bħala Mr Cool u Tony Farrugia li ġibdu l-għajn ta’ dawk preżenti.

Dan is-sit tkellem ma’ wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-attività, Matthew Zammit, magħruf aħjar bħala Mimmo, li qalilna li l-iskop wara din l-attività kien li jinġabru fondi għal Puttinu. Qal ukoll li attivitajiet bħal dawn jgħinu lil dawk fil-bżonn b’mod speċjali lit-tfal morda.
