L-arena tal-Montekristo reġgħet miftuħa għall-isportivi tal-isport ekwestri. Dan wara li l-istess arena ġiet mibnija kompletament mill-ġdid minn Polidano Group. Arena sportiva li tinkludi pedamenti ġodda, saffi ta’ materjali differenti għall-filtrazzjoni tal-ilma, culverts ġodda, ramel ta’ kwalità superjuri importat mill-Olanda u li jinkludi materjal ġeotessut li jagħti fuqu esperjenza mill-aqwa liż-żwiemel u l-isportivi.
Ġiet organizzata open day li inawgurat il-ftuħ tal-arena ekwestri għall-pubbliku sportiv. Reġistrazzjonijiet kienu miftuħin għal kulħadd u bla ħlas u l-partecipanti kollha inghataw midalja kommemorattiva. L-arena infetħet uffiċjalment mill-mara tal-Prim Ministru Dr Lydia Abela, flimkien mas-Sur Charles Polidano Direttur Fundatur ta’ Polidano Group u Montekristo, Dr Dean Hili u Max Zammit f’isem it-tmexxija t’EquestriMalta u l-President tal-Federazzjoni Maltija Ekwestri James Dalli.
Dan l-investiment sar minn Polidano Group, bl-għajnuna tal-awtorita` EquestriMalta u l-Federazzjoni Maltija Ekwestri. Għal dan il-proġett ġie mqabbad espert mill-Olanda li segwa l-proġett fil-proċess intier tiegħu u li kkaratterizza wkoll l-għażla tal-inġenji ġodda li nxtraw sabiex din l-arena tibqa’ miżmuma bl-aħjar mod possibbli.
Numru ta’ atleti ipparteċipaw f’din l-open day bil-għan li jżanżnu din l-arena b’wiċċ ġdid ta’ livell internazzjonali u mibnija b’mod professjonali ħafna. Għall-attività attenda wkoll il-Prim Ministru Robert Abela b’mod informali. Mistennija jkomplu aktar xogħolijiet matul is-sajf, b’miżuri ġodda ta’ sigurtà, stallel u faċilitajiet rikreattivi anċillari bl-ewwel kompetizzjoni tal-Federazzjoni Maltija Ekwestri ppjanata għal Settembru.

