Raġel ta’ 35 sena minn Ħaż-Żabbar ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ammetta li hedded lis-sieħba tiegħu waqt argument domestiku, fejn allegatament qalilha li kienet se “tispiċċa f’siġġu tar-roti” u li kien jittama li timrad bil-kanċer.
Neil Schembri ammetta sensiela ta’ akkużi, fosthom li hedded lis-sieħba tiegħu, ikkaġunalha biża’ ta’ vjolenza, ikkaġunalha ġrieħi ħfief, għamel theddid permezz ta’ komunikazzjoni elettronika, kif ukoll li wettaq reat waqt li kien għadu soġġett għal sentenza sospiża.
Il-qorti semgħet kif l-inċident seħħ it-Tlieta għall-ħabta tal-5.00 ta’ filgħodu, waqt li l-koppja kienet qed tipprepara l-ikel fir-residenza tan-nanna tal-imputat. L-argument beda wara li l-vittma kkummentat li l-ikel kien inħaraq.
Matul l-argument, Schembri allegatament għajjar lill-mara qabel ma qalilha li “verament jittama li timrad bil-kanċer” u li kienet se “tispiċċa f’siġġu tar-roti”. Il-vittma qalet ukoll lill-pulizija li l-imputat kellu ritratti intimi tagħha fuq il-mobile u kien qed jużahom biex jintimidaha.
Wara li sar ezami ta evalwazzjoni tar-riskju, il-vittma ġiet ikklassifikat bħala persuna f’livell estrem ta’ periklu. Meta l-pulizija arrestaw lil Schembri fir-residenza tiegħu, huwa kkoopera mal-pulizija u għaddielhom pistola tal-plastik li kienet miżmuma f’kaxxa tas-sigurtà msakkra.
Qabel ma ngħatat is-sentenza, id-difiża talbet li jitħejja rapport ta’ qabel is-sentenza. Talbet ukoll għall-ħelsien mill-arrest, li l-qorti laqgħet.
Bħala parti mill-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, Schembri jrid jiffirma fl-għassa darbtejn fil-ġimgħa u huwa marbut b’garanzija personali ta’ €4,000. Il-qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi. L-imputat kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Fleur Abela.
Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech.

