Wednesday, July 24, 2024

Arne Slot ikkonfermat bħala l-manager il-ġdid ta’ Liverpool

Aqra wkoll

Il-manager ta’ Feyenoord Arne Slot ġie kkonfermat bħala l-manager il-ġdid ta’ Liverpool.

Ir-Reds qablu dwar ftehim ta’ kumpens li jiswa £9.4m mal-klabb Olandiż f’April wara li l-manager ta’ 45 sena ġie identifikat bħala dak li se jieħu post Jurgen Klopp f’Anfield.

Klopp, li kien ilu jmexxi Liverpool minn Ottubru 2015, ħalla lill-klabb wara r-rebħa finali tal-istaġun kontra Wolves nhar il-Ħadd.

Wara l-logħba, il-Ġermaniż ta’ 56 sena sejjaħ lill-partitarji ta’ Liverpool biex imorru wara l-manager il-ġdid tagħhom, u jkantaw “Arne Slot, na na na na na”.

Il-kuntratt ta’ tliet snin ta’ Slot ma’ Liverpool se jibda uffiċjalment fl-1 ta’ Ġunju, suġġett għal permess tax-xogħol.

L-Olandiż mexxa lil Feyenoord għat-titlu tal-Eredivisie 2022-23, filwaqt li dan l-istaġun rebħu t-Tazza Olandiża u spiċċaw it-tieni fil-kampjonat.

Huwa maħsub li l-istil ta’ attakk tat-timijiet ta’ Slot, il-personalità tiegħu u l-kapaċità tiegħu li jiżviluppa plejers kienu fatturi ewlenin biex jagħmluh l-aqwa għażla ta’ Liverpool għal din il-kariga.

Slot beda l-esperjenza tiegħu bħala manager ta’ Feyenoord fl-2021 u kkonferma l-interess tiegħu li jmexxi tim fil-Premier League meta kien imsemmi li seta’ jingħaqad ma’ Tottenham fl-2023.

L-eks midfielder ta’ Liverpool Xabi Alonso, li ggwida lil Bayer Leverkusen għall-ewwel titlu tagħhom tal-Bundesliga dan l-istaġun, kien ukoll qed jissemma li jista’ jsir manager ta’ Liverpool.

Iżda l-Ispanjol ta’ 42 sena temm l-ispekulazzjoni f’Marzu meta qal li għalissa se jibqa’ ma’ Leverkusen.

Ruben Amorim ta’ Sporting Lisbon kien rappurtat ukoll li kien kontestant din il-kariga flok Klopp, li f’Jannar ħabbar li se jħalli Anfield fi tmiem l-istaġun 2023-24.

Eks midfielder, Slot qatta’ l-karriera kollha tiegħu bħala plejer fl-Olanda, fejn għamel aktar minn 100 dehra kemm għal FC Zwolle kif ukoll għal NAC Breda.

Wara li rtira mil-logħob, huwa beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ bħala kowċ taż-żgħażagħ ma’ PEC Zwolle qabel ma ngħaqad ma’ SC Cambuur biex isir assistant manager.

Huwa ngħaqad ma’ AZ Alkmaar fl-2017 fejn dam sentejn. Fl-ewwel staġun tiegħu fit-tmexxija, kienu t-tieni, punti ndaqs mal-leaders Ajax, meta l-pandemija tal-Covid-19 ġabet l-istaġun fi tmiem prematur.

Huwa tkeċċa f’Diċembru 2020 meta ħareġ fil-beraħ li kien qed jinnegozja ma’ Feyenoord.

Slot ħa t-tmexxija ta’ Feyenoord fis-sajf tal-2021 u rebaħ l-Eredivisie mal-klabb fl-2022-23 u rebaħ it-Tazza Olandiża dan l-istaġun.

Ekonomija

Sport