Raġel ta’ 33 sena nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’numru ta’ reati tat-traffiku marbuta ma’ inċident serju li ħalla raġel b’ġrieħi permanenti, tant li spiċċa tilef saqajh.
Fil-Qorti nstema’ kif Ahmed Abdussalam Bashir Tarhuni allegatament kien involut f’ħabta li wasslet biex il-pulizija tagħmillu breathalyser test, liema test rriżulta pożittiv għall-alkoħol.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Clive Abela spjega li l-investigazzjonijietkienu mxekkla minħabba każ ta’ identità falza. Ingħad li l-akkużat, fil-bidu identifika ruħu bħala Muhammed Bashir, li aktar tard irriżulta li huwa isem ħuh.
Wara tfittxija li saret fil-kartiera tal-akkużat, instabu żewġ dokumenti differenti – permess ta’ residenza Olandiż u liċenzja tas-sewqan – it-tnejn bl-isem Ahmed Abdussalam Bashir Tarhuni.
Tarhuni qed jiffaċċja diversi akkużi, fosthom li kkawża ġrieħi gravi minħabba traskuraġni, negliġenza jew nuqqas ta’ ħila professjonali. Huwa akkużat ukoll li saq mingħajr liċenzja valida, mingħajr insurance ta’ third party u li kien qed isuq taħt l-effett tal-alkoħol.
Il-Prosekuzzjoni għamlet talba sabiex l-akkużat ma’ jingħatax il-ħelsien mill-arest, filwaqt li enfasizzat il-konsegwenzi serji tas-sewqan allegatament irresponsabbli tal-akkużat. Fil-Qorti ntqal li l-vittma diġà tilef sieq waħda, filwaqt li t-tobba għadhom qed jippruvaw isalvawlu s-sieq l-oħra.
Quddiem il-Maġistrat Astrid-May Grima, Tahruni wieġeb li mhuwiex ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Il-Maġistrat Grima ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi u n-nuqqas ta’ permess ta’ residenza validu.
Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur Clive Abela, filwaqt li l-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għad-difiża. L-avukat Kathleen Calleja Grima dehret parte civile.


