Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela indirizza konferenza fejn ħabbar numru ta’ miżuri mmirati biex nieħdu l-ekonomija ta’ pajjiżna fil-livell li jmiss. Huwa qal li manifest elettorali tal-Partit Laburista għandu miri ekonomiċi ambizzjużi imma realistiċi.
Il-pjan ekonomiku tal-manifest Int Malta se jwassal għal ħames miri ċari, dak ta’ tkabbir ekonomiku b’medja ta’ 4% fis-sena, li nkunu fost l-aqwa ħamsa fl-UE fil-ħolqien tal-ġid għal kull persuna, li jibqa’ jkollna fost l-inqas qgħad fiż-Żona Ewro, li aktar minn żewġ terzi tat-tkabbir ekonomiku jkun iġġenerat minn setturi b’valur miżjud għoli u li Malta tkun mal-aktar pajjiżi avvanzati fil-European Innovation Scoreboard.
Dr Abela saħaq li se tkompli tiġi xprunata t-trasformazzjoni diġitali billi tingħata tax credit ta’ 60% fuq l-investiment diġitali.
Ħabbar ukoll li se jingħata kreditu ta’ taxxa ta’ 175% fuq l-infiq fir-riċerka u l-innovazzjoni għan-negozji kollha.
Il-Prim Ministru wiegħed li l-investiment annwali ta’ €100 miljun għad-diġitalizzazzjoni u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji se jibqa’ jkunu sostnut sena wara sena. Filwaqt li se jkun qed jitkompla l-programm ta’ AI għal kullħadd.
Dr Abela qal li Malta għandha l-potenzjal li ssir bażi diġitali għall-intraprendituri internazzjonali li jridu jistabbilixxu u jmexxu negozju fl-Ewropa b’mod diġitali. F’dan il-kuntest ħabbar li permezz tal-Malta eResidency intraprendituri barranin se jkunu jistgħu jwaqqfu kumpanija f’Malta b’mod diġitali. Tenna li din l-inizjattiva se tkun qed tattira aktar start-ups u kumpaniji żgħar, kif ukoll joħloq domanda għal servizzi professjonali u jiġġeneraw dħul ġdid mingħajr ma nżidu pressjoni fuq l-infrastruttura u l-użu tal-art.
Huwa saħaq li l-industrija tal-gaming hija fost l-akbar oqsma tal-ekonomija Maltija u tħaddem mal-14,000 persuna f’karrieri ta’ kwalità. Il-Prim Ministru qal li fi żmien sentejn se jkunu qed jiġu mgħejuna tmin proġetti f’dan il-qasam, b’investiment ta’ €60 miljun, li lkoll flimkien mistennija joħolqu 1,300 impjieg ġdid – kważi żieda ta’ 10% fil-karrieri f’dan is-settur.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se jkun qed jitwaqqaf ċentru għall-e-sports, filwaqt li se jkunu qed jitwessgħu l-poteri tal-Malta Gaming Authority biex tibda tilliċenzja wkoll working studios li huma narrative-driven games, e-sports platforms, u immersive virtual content u l-prediction markets.
Dr Abela rrimarka li pajjiżna qed jieħu postu fil-katina globali tas-semiconductors u qal li ċ-Ċentru ta’ Kompetenza se jkun qed jiġu offruti s-servizzi kollha li jkollhom bżonn il-kumpaniji li joperaw f’dan is-settur. Huwa spjega li bis-saħħa ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni ma’ istituti ta’ riċerka barranin se jiġi żgurat li aktar riċerkaturi u intraprendituri Maltin jkollhom opportunitajiet ta’ riċerka tal-aqwa livell f’oqsma differenti.
Ħabbar qal ukoll li se jkun qed jinħoloq qafas regolatorju ġdid biex pajjiżna jsir ġurisdizzjoni ewlenija għall-Web3 Innovation ħalli nkomplu niżviluppaw in-niċċa ta’ eċċellenza tal-fintech. Filwaqt li se jinħoloq Innovation Hub li jilqa’ fih negozji li joperaw fl-enerġija rinnovabbli, food technology, pharma, smart manufacturing, additive manufacturing, med tech u micro-electronics.
Il-Prim Ministru ħabbar ukoll li se tkun qed titneda skema ta’ cash rebate fejn l-artisti lokali jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rimborż ta’ 10% fuq l-ispejjeż tagħhom sa massimu ta’ €50,000. Huwa saħaq li din l-inizjattiva se twassal biex l-artisti jkomplu jeċċellaw u jkompli jikber is-settur kreattiv f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li Gvern Laburista fl-aħħar snin żera’ żerriegħa għal setturi ġodda bħal AI, video game development, l-e-sports, id-digital nomads, il-fintech, blockchain, u l-MedTech. Huwa kompla jgħid li se nibqgħu nkunu innovattivi, u jekk ningħataw il-fiduċja se jkunu qed jiġu introdotti industriji innovattivi oħra. Dan permezz tal-ħolqien ta’ qafas ġdid ta’ e-Residency Maltija, settur tal- Family Offices, iktar avvanz fuq is-Semikondutturi, teknoloġija fil-qasam tal-ikel u ħidma fuq niċeċ innovattivi u diġitali bħal Web3 u l-Predictive markets.
Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal li biex nagħmlu l-qabża ekonomika li jmiss irridu bilfors inħarsu fil-fond lejn il-kontribut tas-settur kreattivi, hekk kif l-identità ta’ pajjiżna hija fundamentali biex inkomplu mixjin ‘il quddiem ekonomikament. Sostna li Partit Laburista fil-Gvern se jibqa’ jagħti s-sapport neċessarju lill-artisti għax Malta b’setturi kreattivi b’saħħithom huma l-ħolma tal-Maltin, u għalhekk il-proġett ta’ Gvern Laburista.


