Friday, May 8, 2026

Intejbu l-kwalità tal-ħajja għal kulħadd

Jikteb- Omar Farrugia, Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi

Aqra wkoll

Karatteristika ewlenija li qed ninnota f’din il-kampanja elettorali hija li l-mod kif qed jitħabbru l-proposti tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista juri kemm il-partit tassew jinteressawh l-interessi ta’ kull sezzjoni tas-soċjeta, anke jekk dik is-sezzjoni tkun minoranza żgħira.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela fil-ġimgħatejn li għaddew mill-Kampanja Elettorali diġa elenka diversi proposti speċifiċi li nistgħu ngħidu jolqtu lil kulħadd. Hemm proposti li l-impatt tagħhom se jkun fuq porzjon kbir tal-poplu tagħna bħas-Super Bonus ta’ €1000 li se jibda jingħata kull sena. Kif fisser tant tajjeb il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, dan il-bonus ser jircevih kull min jahdem u jaqla’ aktar minn €12,000 fis-sena, filwaqt li dawk li jaqilgħu inqas minn hekk, jeħduh pro-rata imma bl-inqas bonus li jistgħu jieħdu jkun ta’ €500. Mhux hekk biss, anke pensjonanti li jibqgħu jaħdmu, ukoll se jibbenefikaw minn dan il-bonus. Is-sabiħ ta’ din il-proposta huwa wkoll li l-ammont tal-bonus mhux se jkun taxxabbli.

Proposta oħra li mbagħad tolqot ukoll firxa wiesgħa tas-soċjeta hija ż-żjieda ta’ €50 fil-ġimgħa għall-pensjonanti kollha fuq medda ta’ ħames snin. Il-Partit Laburista fil-Gvern għandu r-rekord f’idejh tal-mod kif ħa ħsieb lill-pensjonanti tagħna, sena wara sens, minn mindu l-poplu avdalu t-tmexxija tal-pajjiż fl-2013 ‘l hawn. 

Il-proposti tal-Partit Laburista qed ikomplu juru kemm il-partit għandu għal qalbu l-ġenerazzjoni żagħżugħa. Il-proposti dwar il-ħelsien mill-ħlas tat-taxxa għal tlett snin għaż-żgħażagħ li jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew li jiddeċiedu li jiftħu negozju huma tassew proposti tajbin. Magħhom irid jingħad li ser tkompli tikber l-għajnuna għal dawk iż-żgħażagħ kollha, first time buyers li jiddeċiedu li jixtru d-dar tagħhom, bl-ammont ta’ ħelsien tat-taxxa tal-boll fuq l-ewwel tlett mitt elf Ewro tal-prezz tal-propjeta li jkunu qed jixtru. B’żieda ma’ dan, il-Partit Laburista qed jipproponi wkoll li l-Gvern jista’ jidħol għal 25% tas-self li jkunu se jieħdu l-first time buyers mill-banek u dan mingħajr interessi. 

F’dan il-qasam ukoll, kienet tassew milqugħa tajjeb il-proposta li ħabbar il-Prim Ministru li dawk li koppji li jisseparaw jew jiddivorzjaw, se jibdew jiġu meqjusa bħala first-time buyers jekk kemm-il darba jiddeċiedu li jidħlu biex jixtru propjeta wara li jkunu għaddew minn proċess ta’ separazzjoni jew divorzju. Għal darb’oħra il-Partit Laburista qed juri kemm jinteressah minn kulħadd u qed jaħseb f’kulħadd.

Hemm ħemel ta’ proposti oħra li jolqtu lil kull sezzjoni tas-soċjeta. Il-proposti l-ġodda dwar l-introduzzjoni ta’ aktar flessibilita fil-ħinijiet tax-xogħol anke fis-settur privat. Il-proposti dwar il-leave speċjali għall-atleti li jmorru jikkompetu barra l-pajjiż. L-għoti ta’ €200 lil żgħażagħ li jipparteċipaw f’attivitajiet artistiċi u kulturali. L-għotja ta’ €1000 lil żgħażagħ li jmorru barra minn Malta fuq inizjattivi konnessi mal-Erasmus.

Ma’ dawn kollha, żgur li hemm ħafna proposti oħra xi nsemmi li kollha jindirizzaw kull settur tas-soċjeta u fil-ġimgħat li għad fadal fil-Kampanja Elettorali ħa nkomplu nisimgħu b’aktar proposti kollha indirizzati biex ikomplu jtejbu l-kwalita tal-ħajja għal kulħadd. Dan qed isir għaliex il-Moviment Laburista tassew jemmnu li kull wieħed u waħda minnha huwa MALTA li aħna tant inħobbu. Il-ħolm tal-Maltin huwa l-proġett tal-Partit Laburista għall-futur.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport