Friday, May 8, 2026

‘Dan is-suċċess hu riżultat ta’ ħafna xogħol mhux biss mill-plejers u l- kowċis imma wkoll mill-kumitat u staff tekniku’ – Zach Valletta

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá żgħira, kemm id-dar u anke l-iskola, l-isport minn dejjem kien aspett importanti għalija. Avolja ġej minn familja li kienet tilgħab il- waterpolo, ma’ sħabi iktar kont nilgħab futbol u missieri kien ħadni sessjoni ta’ taħriġ il-Luxol bħala prova u minn hemm ma ħarist lura qatt!

U għaliex għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Meta kien żgħir, missieri kien jilgħab waterpolo bħala goalkeeper u fl-ewwel sessjoni tiegħi, il-Luxol kont għidtlu li ħa nipprova nkun bħalu. Il-Luxol ħatfuni fil-kelma għax ta’ dik l-etá ma tantx kont issib tfal iridu jidħlu goalkeeper u spiċċajt bqajt hemm.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Attard FC.

Ma’ Attard FC issa ilni sitt snin diġá u lgħabt ftit inqas minn 100 logħba. Inħoss li dan il-klabb u kull min jagħmel parti minnu sar parti mill-familja tiegħi. Din is-sena kien hemm coaching staff li mhux biss ħdimt magħhom meta ksibna l-promozzjoni erba’ snin ilu imma kien hemm min lgħabt mieghu ma’ Attard stess.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess wara l-promozzjoni storika li ksibtu għaċ-Challenge League min-National Amateur League 1 bħala Champions?

Dan is-suċċess hu riżultat ta’ ħafna xogħol mhux biss mill-plejers u l- kowċis imma wkoll kumitat li ma waqaf qatt jaħdem u staff tekniku li permezz tax-xogħol tiegħu inżilna għal kull logħba ppreparati. Peró, apparti minn dan kollu, li-ktar fatt importanti hu li bħala tim, il-maġġoranza tal-plejers u staff warajna, kien ilu jaf lil xulxin snin twal u ħadem flimkien qabel.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Naħseb li bħala Kampjonat tan-NAL1, il-livell kien għoli ħafna ħdejn snin oħra u l-maġġoranza tat-timijiet kienu kapaċi jagħtuk logħba jekk ma tkunx preparat sew.

U rigward dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?

Bħala riżorsi, sa mill-ewwel ġurnata li ltqajna, il-klabb sostna li kien ħa jagħmel dak kollu possibli biex nitħarrġu f’atmosfera professjonali. Dan mhux biss jinkludi l-għodda li tintuża waqt it-taħriġ imma fejn kien hemm bżonn inkrew groawnds fejn inkunu nistgħu naħdmu tattikament u nifhmu sew dak li jkun mistenni mingħandna. Bħala grawnds fejn jintlagħbu l-logħob, il-limitazzjonijiet huma li huma.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Bħala l-futur tiegħi fil-futbol, qiegħed naħdem biex inġib il-liċenzji li hemm bżonn għall-futur fil-kowċing, peró staġun bħalma għadu kif kellna din is-sena jagħtini l-kuraġġ biex inkompli naħdem ħa nagħti iktar fil-grawnd qabel ma nagħmel dan il-pass.

X’responsabbiltá tħoss għall-fatt li int il-Captain tat-tim?

Bħala Captain tal-klabb, fil-grawnd kif ukoll barra minnu nħoss li rrid nkun iktar ta’ eżempju minn qabel mhux biss għall-plejers l-oħra biex jagħtu kollox imma naf li rrid nagħti lura kemm nista’ lill-klabb li tani ħafna f’dawn l-aħħar sitt snin.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jjibda jilghab il-futbol.

Jekk trid tibda l-futbol, ibda bilmod u gawdi l-proċess. Kull plejer kbir beda mill-qiegħ, limportanti li tgawdi kull mument!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport