Qormi Pinto kisbu rebħa ta’ 11-7 kontra Mrieħel Billiard House sabiex telgħu fl-ewwel post tal-klassifika tal-Kampjonat Nazzjonali tal-Blackball. Huma għandhom logħba iktar mir-rivali Cospicua Rangers A li llum jilagħbu kontra Ħamrun 147 A.
Il-Qriema qed ikollhom kampjonat konsistenti hekk kif kisbu ħames rebħiet minn disa’ logħbiet.
Sadanittant f’sezzjoni A tal-Kampjonat Reġjonali, il-leaders huma Qormi Pinto B li s’issa għandhom 16-il punt minn sitt logħbiet. Minn dan l-istess kampjonat, San Ġwann Tiki Taka Boys għelbu lil Żebbuġ St Joseph A 11-7 filwaqt li Valletta Fossa Boys għelbu l-oppożizzjoni ta’ Ħamrun 147 C 11-4.
F’sezzjoni B, Ħamrun 147 B għandhom sitt punti vantaġġ f’ras il-klassifika hekk kif fl-aħħar ħarġa tagħhom huma għelbu lil Siġġiewi Montekristo A 11-5.
PL Balzan A u San Ġwann Tiki Taka Spartans kisbu rebħiet kontra Selmun Sports Club A (11-9) u Birkirkara Youngsters (11-4) rispettivament.
Fil-Community League, sezzjoni A, PL Floriana u Cospicua Rangers B jinsabu fuq quddiem b’31 punt kull wieħed. Il-Furjaniżi għelbu lil Mrieħel Billiard House B 11-2 sabiex baqgħu bit-taqtiegħa għall-unuri. F’aktar logħbiet, Ħamrun 1889 Bar għelbu lil Birżebbuġa St Peter’s B 11-7 filwaqt li Birkirkara Juve kisbu tliet punti importanti wara skor ta’ 11-6 kontra Żebbuġ St Joseph B.
F’sezzjoni B Ħamrun 147 D baqgħu bil-mument pożittiv tagħhom tant li jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika bi 32 punt. Fil-logħba tal-ġimgħa, huma spiċċaw fi draw ta’ 10-10 kontra t-tim fit-tieni post San Ġwann Tiki Taka Buddies.
Birkirkara Boċċi għelbu lil Qormi Anici 11-8, Żebbuġ St Joseph C kisbu rebħa ta’ 11-6 kontra PL Balzan B filwaqt li Siġġiewi Montekristo kisbu tliet punti wara skor ta’ 11-0 kontra Birżebbuġa St Peter’s A.
KLASSIFIKA – KAMPJONAT NAZZJONALI
Qormi Pinto A 16, Cospicua Rangers A 15, Hamrun 147 A 10, Mriehel Billiard House A 7
KLASSIFIKA – KAMPJONAT REĠJONALI – SEZZJONI A
Qormi Pinto B 16, San Gwann Tiki Taka Boys 13, Hamrun 147 C 13, Valletta Fossa Boys 9, Zebbug St Joseph A 7, Domus Kids Zejtun A 0
KLASSIFIKA – KAMPJONAT REĠJONALI – SEZZJONI B
Hamrun 147 B 22, San Gwann Tiki Taka Spartans 16, Birkirkara Youngsters 16, Siggiewi Montekristo A 4, PL Balzan A 4, Selmun Sports Club A 4


