Minn Cristian Muscat
Il-midfielder żagħżugħ ta’ Valletta FC, Jake Azzopardi, qed jgħix wieħed mill-aktar mumenti importanti fil-karriera tiegħu, wara li ġie ppreżentat bil-premju prestiġjuż tal-MFPA Men’s Best Young Player Award. Fl-eta’ tenera ta’ 20 sena, Azzopardi qed juri maturità mhux tas-soltu, kemm fil-logħob tiegħu kif ukoll fil-mod kif jara l-futbol u l-ħajja ta’ atleta professjonali.
“Onestament, huwa unur kbir għalija. Dan il-premju ġie għandi għax kien hemm ħafna xogħol warajh,” qalilna Jake f’intervista li ta lil dan is-sit. “Kuntent ħafna li l-isforzi tiegħi ġew innutati, imma fl-istess ħin naf li dan huwa biss il-bidu. Għad hemm ħafna aktar x’nirbaħ u x’nitgħallem.”
Imwieled fit-13 ta’ Frar 2006, Jake Azzopardi ilu minn età żgħira jħobb il-futbol u l-kompetizzjoni. Huwa tela’ mill-akkademja u eventwalment ingħaqad mal-istruttura ta’ Valletta, fejn kompla jiżviluppa bħala midfielder ċentrali magħruf għall-kalma, il-viżjoni u l-kapaċità tiegħu li jikkontrolla r-ritmu tal-logħba.
Matul dan l-istaġun, Azzopardi lagħab 15-il partita, beda 79% minnhom mill-ewwel ħdax, u kkontribwixxa żewġ assists. Għalkemm għadu ma sabx ix-xibka, l-impatt tiegħu fil-midfield kien wieħed konsistenti u importanti ħafna għall-istrateġija tat-tim.
“Jien bħala plejer dejjem nipprova nara li nieħu t-taħriġ bis-serjeta’ sabiex anke nkun nista’ nibda sa mill-bidu għax ikun jimmeritani. Bil-mod il-mod tifhem li l-futbol huwa dixxiplina, rutina u mentalità,” spjega Jake. “Tqum, tiekol, tgħix il-futbol. Sagrifiċċji trid tagħmel jekk trid tasal, xi ħaġa li jien nemmen ħafna fiha.”
Azzopardi għamel ukoll il-qabża lejn il-Malta Premier League wara esperjenza pożittiva fil-BOV Challenge League, fejn wera li kapaċi jlaħħaq mal-livell ogħla tal-futbol Malti.
“Il-bidla kienet kbira, speċjalment fil-pass tal-logħba u l-intensità. Imma jien dejjem emmint fija nnifsi,” qal Azzopardi. “Meta tagħti kollox fit-taħriġ, il-logħba ssir aktar naturali.”
Il-progress tiegħu wassal ukoll għal sejħa mat-tim nazzjonali Malti, fejn diġà kellu żewġ dehriet internazzjonali. Għal plejer żagħżugħ, din hija esperjenza li tibdel il-mod kif tara l-futbol.
“Meta tilbes il-flokk ta’ Malta, tħoss piż sabiħ. Hu unur imma wkoll responsabbiltà. Tirrappreżenta pajjiż kollu,” qalilna.
Dan l-istaġun kien wieħed kruċjali għal Azzopardi u għal Valletta. It-tim rebaħ il-Malta FA Jubilee Cup u jinsab fil-finali tal-Meridienbet FA Trophy, kompetizzjonijiet fejn Jake kellu rwol importanti fil-midfield.
“Il-Jubilee Cup kienet speċjali ħafna. Meta tirbaħ trofew ma’ klabb bħal Valletta, tifhem x’ifisser verament il-futbol,” qal Jake. “U l-FA Trophy wkoll kienet esperjenza kbira. Anke jekk ma rnexxilniex nirbħu, wasalna sal-aħħar u tajna kollox.”
F’xi partiti, Azzopardi anke libes il-faxxa ta’ captain, responsabbiltà li turi kemm il-klabb jafdah.
“Li tkun captain, anke għal ftit logħbiet, hija xi ħaġa kbira. Tfisser li l-kowċ u sħabek jafdawk. Tgħallimt ħafna minn dik l-esperjenza.”
Waħda mill-affarijiet li tispikka dwar Jake Azzopardi hija l-mentalità tiegħu. Huwa jitkellem b’mod ċar dwar dixxiplina, nutrizzjoni, u rutina ta’ kuljum.
“Id-differenza bejn plejer tajjeb u plejer professjonali hija l-mentalità. Mhux biss dak li tagħmel fil-ground, imma dak li tagħmel barra minnu wkoll,” spjega. “Trid tieħu ħsieb tiegħek innifsek, torqod tajjeb, tiekol tajjeb, u tibqa’ ffukat.”
Hu jżid li l-futbol modern jeħtieġ aktar minn talent biss.
“Illum kulħadd jaf jilgħab, imma mhux kulħadd lest jagħmel is-sagrifiċċji. Dik hi l-akbar differenza.”
Meta mistoqsi dwar il-futur, Jake għandu ħafna ambizzjonijiet.
“Irrid nirbaħ kollox. Treble mal-klabb, Jubilee Cup, FA Trophy u l-kampjonat. Dawn huma l-għanijiet tiegħi,” qal b’sinċerità. “Imma mhux biss dwar trofej, irrid inkompli nitjieb bħala plejer u bħala persuna.”
Huwa jara l-MFPA Awards bħala pass importanti, iżda mhux il-wasla.
“Dan huwa sinjal li qiegħed fit-triq it-tajba. Imma l-aktar importanti hu li ma niqafx hawn.”
Jake Azzopardi enfasizza wkoll l-importanza tal-familja u l-appoġġ li rċieva tul il-karriera tiegħu, speċjalment minn missieru Edward Azzopardi, li dejjem kien figura kostanti fil-vjaġġ tiegħu. “Il-familja tiegħi kienet fundamentali għalija. Meta kont żgħir kienu dejjem hemm, anke f’mumenti diffiċli. Mingħajrhom ma kontx nasal s’hawn,” qal Azzopardi.
Huwa qal ukoll li l-esperjenza tiegħu fil-futbol għallmitu kif jittratta pressjoni u aspettattivi dejjem jikbru. “Meta tibda tilgħab fil-kbar, il-pressjoni tiżdied, imma trid titgħallem tibqa’ kalm u ffukat. Dik hija parti kbira mill-iżvilupp tiegħi bħala plejer.”
Jake żied li l-għan tiegħu hu li jkompli jtejjeb mhux biss teknikament iżda wkoll mentalment, biex ikun lest għal livell ogħla fil-futur. “Kull sessjoni ta’ taħriġ hija opportunità biex insir aħjar.”
Jake Azzopardi qed jirrappreżenta ġenerazzjoni ġdida ta’ futbolers Maltin, żgħażagħ b’ħolm kbir, iżda wkoll b’dixxiplina u realtà ċara tal-isfidi li ġġib magħha l-karriera sportiva.
Bil-mixja tiegħu ma’ Valletta, l-esperjenza mat-tim nazzjonali u l-premju li ngħata fl-MFPA Awards, il-futur jidher promettenti ħafna.
“Il-futbol hu ħajti,” temm jgħid. “U jien għadni qed nibda. Nixtieq inkompli nitjieb u
dejjem nibqa’ saqajja mal-art sabiex inkompli nitgħallem dejjem iktar.”


