L-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa ffirmaw ftehim li permezz tiegħu art pubblika f’Triq Santa Katarina, Birżebbuġa, li tkopri madwar 734 metru kwadru, se tingħata lill-Kunsill Lokali għal perjodu ta’ ħames snin.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li dan il-ftehim huwa eżempju ieħor ta’ kif il-Gvern qed ikompli jaħdem mal-Kunsilli Lokali biex art pubblika tintuża bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tal-komunitajiet.
“Meta art pubblika tingħata ħajja ġdida u tintuża b’mod li jindirizza l-ħtiġijiet tal-komunità, inkunu qed niżguraw li r-riżorsi tal-pajjiż qed jaslu fejn jistgħu jagħmlu l-akbar differenza. Il-Kunsilli Lokali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jidentifikaw il-ħtiġijiet tar-residenti tagħhom u għalhekk huwa importanti li nibqgħu nagħtuhom l-appoġġ u l-ispazju meħtieġ biex iwettqu l-ħidma tagħhom,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi Alison Zerafa Civelli spjegat kif dan il-ftehim jirrifletti l-ħidma li qed issir biex il-Kunsilli Lokali jingħataw aktar spazju u għodda biex iwettqu proġetti li jwieġbu direttament għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet tagħhom. “Il-ħidma tal-Kunsilli Lokali hija kruċjali biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet tagħna, u għalhekk se nibqgħu nagħtuhom l-appoġġ meħtieġ biex iwettqu proġetti konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja tar-residenti,” qalet il-Ministru Zerafa Civelli.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa Scott Camilleri spjega kif din l-art se tinbidel fi ġnien ġdid, mgħammar b’bandli għat-tgawdija tar-residenti ta’ Birżebbuġa. L-art tinsab f’post ċentrali fil-lokalità, biswit l-Iskola Primarja, u għalhekk dan il-proġett mistenni jitgawda minn bosta tfal u familji. Il-Kunsill irringrazzja lill-Gvern għall-impenn tiegħu biex aktar spazji bħal dawn jiġu riġenerati u jingħataw lura lill-komunità.
Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa se jkun jista’ jagħmel użu aħjar minn dan l-ispazju pubbliku u jiżviluppah f’ġnien pubbliku ġdid għall-benefiċċju tar-residenti. Il-proġett se jipprovdi spazju ġdid ta’ rikreazzjoni u mistrieħ għall-komunità, filwaqt li jikkontribwixxi għal ambjent isbaħ, aċċessibbli u ta’ kwalità għar-residenti ta’ Birżebbuġa.
Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ramon Deguara, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella, kif ukoll is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa Jordy Brincat.
