Thursday, May 16, 2024

“Assigurazzjoni ta’ linja nazzjonali tal-ajru li quddiemha għandha garantit futur fis-sod”

- il-Prim Ministru Robert Abela, illejla fil-Parlament

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“L-interess ta’ pajjiżna huwa li jkollna linja nazzjonali tal-ajru b’saħħitha, li ttir permezz ta’ mudell li jkun sostenibbli, realistiku u li kummerċjament jagħmel sens.” Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela fi stqarrija ministerjali li għamel fil-Parlament fejn tkellem dwar l-Air Malta.

Huwa beda biex qal li din kienet kwistjoni li ngħatat importanza assoluta minn dan il-Gvern. Qal li dak li kien hemm qbil dwaru mal-Kummissjoni Ewropea seħħ wara 30 xahar ta’ negozjati, liema negozjati ħallew ir-riżultati.

“Dak li qed nitkellmu dwaru huwa l-assigurazzjoni ta’ linja nazzjonali tal-ajru li quddiemha għandha garantit futur fis-sod. Għandha storja li tmur lura għal 50 sena ilu. Kienet il-viżjoni tal-Perit Duminku Mintoff li din il-gżira jixirqilha linja nazzjonali tal-ajru,” qal il-Prim Ministru.

Filwaqt li sostna li ħaddieħor kien xettiku f’dan ir-rigward, dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fil-potenzjal ta’ dan il-pajjiż u l-poplu. Huwa qal li “tlaqna minn punt wieħed fin-negozjati illi pajjiżna għandu bżonn linja nazzjonali tal-ajru.”

Dan baqa’ punt konsistenti tul in-negozjati u l-Kummissjoni fehmet dan. Irrimarka għalhekk li: “kellna Air Malta, għandna Air Malta u se jibqa’ jkollna linja nazzjonali tal-ajru.”

Huwa rrikonoxxa wkoll li l-linja nazzjonali tal-ajru kellha d-diffikultajiet tagħha, li ġew għax Gvernijiet preċedenti Nazzjonalisti, b’mod partikolari fis-snin 90 ħadu deċiżjonijiet li l-Air Malta ġabuha għarkupptejha.

“Waħda minn dawk id-deċiżjonijiet kienet ix-xiri ta’ erba’ ajruplani li ma kinux jiswew għall-kumpanija. Illum il-poplu jrid jerfa’ l-piż tagħhom dawk id-deċiżjonijiet. Dak li qed nagħmlu llum huwa proċess wieħed u qed nagħtu ċertezza u stabbilità fit-tul.”

Dr Abela kompla jgħid li l-Gvern irnexxielu jikkonvinċi u jasal fi ftehim mal-Kummissjoni sabiex il-kumpanija taħdem bi flotta ta’ tmien ajruplani. Qal ukoll li: “ridna li l-linja nazzjonali tal-ajru tibqa’ ġġorr l-istess ammont ta’ pasiġġiera li qed iġġorr illum… saħansitra se nkunu qed inġorru kemmxejn iżjed.”

Dr Abela nsista wkoll li kull titjira li tagħmel l-Air Malta trid tkun waħda profitabbli. Kien hawn fejn saħaq li mhux aċċettabli bħalma ġara’ fil-pasat li jkun hemm titjiriet li jitilfu l-eluf tal-ewro.

Dwar l-għadd tal-impjegati, il-Prim Ministru qal li d-daqs ġust huwa ta’ 375 impjegat. Huwa semma wkoll li l-brand mhix tal-kumpanija Air Malta plc iżda tappartjeni lill-Gvern ta’ Malta. Qal li bi ftehim mal-Kummissjoni biex dan l-isem jintuża mil-linja tal-ajru oħra jrid ikun hemm proċess kompetittiv.

Finalment, il-Prim Ministru qal li: “Se nassiguraw tranżizzjoni mil-linja nazzjonali għal linja nazzjonali tal-ajru li tkun waħda mingħajr sulluzzu. Hemm pjan ċar ħafna għas-sitt xhur li ġejjin. Se nħarsu ‘l quddiem li saħansitra ntejbu s-servizz.

“Pajjiżna jixraqlu linja nazzjonali tal-ajru u se jibqa’ jkollu. Meta l-Perit Mintoff kellu viżjoni għal dan il-pajjiż, dik il-viżjoni naqsamha jien ukoll. Dik viżjoni li rridu nibqgħu ngħixuha fejn b’mod responsabbli u nassiguraw li jkollna linja nazzjonali tal-ajru vijabbili, sostenibbli u fuq kollox tibqa’ tagħmilna kburin li aħna Għawdxin u Maltin.”

Sport