Saturday, December 21, 2024

Astensjonijiet

Aqra wkoll

Fil-ħarġa tal-Ħadd 23 ta’ Ġunju li għadda ta’ din il-gazzetta ppubblikajt ittra ta’ qarrej regolari ta’ din il-paġna li kellha t-titlu WARA R-RIŻULTATI MIKSUBA. Ittra li kienet tirreferi għar-riżultati li kiseb il-Partit Laburista fl-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u tal-Kunsilli Lokali li saru fit-8 ta’ Ġunju li għadda. Ittra li primarjament kienet titratta n-numru kbir ta’ astensjonijiet li kien hemm f’dawn l-elezzjonijiet. Astensjonijiet li jidher ċar li primarjament l-aktar li bata minnhom kien il-Partit Laburista. Il-korrispondent kien tratta raġunijiet li fl-opinjoni tiegħu setgħu wasslu għal dawn l-astensjonijiet.

Fil-jiem li għaddew waslitli korrispondenza mingħand qarrej ieħor b’referenza għall-ittra ‘oriġinali’ flimkien mar-ritratt tal-astensjoni tiegħu. F’din it-tieni ittra ngħatat raġuni oħra għall-astensjoni, għat-tħassir tal-vot: META TIEQFU SSAWTU LIL-LABURISTI NERĠA’ NIVVOTA LABOUR. Tali astensjoni hija ġustifikata jew le? Fuq liema kriterju wasal għal din id-deċiżjoni dan l-individwu?

Huwa minnu li kull qrib xi forma ta’ elezzjoni bħal donnu jinbtu l-ilmenti, imma mhux bilfors ikunu kollha frivoli, għal xejn. Tisma’ ħafna stejjer li jġibulek litteralment għajnejk wara widnejk dwar kif hemm min jitratta lil ħaddiema oħrajn sempliċiment għax ikollu jew ikollha farka poter.

Farka poter li permezz tiegħu jirrendi lilu nnifsu bħala li kollox jiddependi minnu fid-dipartiment jew fil-ministeru li jkun jifforma parti minnu. Farka poter misluf lilu jew lilha mhux bilfors fuq mertu jew kapaċitajiet biss. Għax meta kultant tara l-mod bilġri li bih ikun hemm min jitla’ l-iskaluni tal-karriera trid jew ma tridx ikun hemm il-possibiltajiet ta’ tħassib.

Farka poter li jkun hemm min iħallih jitlagħlu għal rasu u jibda jara lil min jidhirlu hu jew hi dubbien anke jekk b’detriment għar-responsabbiltajiet li suppost iġorr jew iġġorr. Il-ħasra hi li anke jekk jgħaddi ż-żmien il-ħsara tkun laħqet saret u tkun irreparabbli, anke jekk isir xi ħaġa dwarha, għax ikun tard wisq. L-astensjonijiet f’kull forma tagħhom fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li għadda huma l-akbar prova.

Kellimt personalment lill-individwu li għaddhieli l-korrispondenza u r-ritratt tal-vot tiegħu. Staqsejtu jekk dwar l-ilment tiegħu kienx tkellem ma’ xi ħadd fuq livell ta’ partit. Nikkwotah kelma b’kelma: tkellimt mal-allat kollha. Ħafna wegħdi u kliem fieragħ imma x’ħin niġu għas-si u n-no bqajt fejn kont.

Kompla jispjegali li jaf b’aktar minn każ wieħed fejn dakinhar tal-elezzjonijiet sarulhom telefonati biex jikkonvinċuhom joħorġu jivvotaw, akkumpanjati mill-wegħda “ħalli f’idi”, u meta ftit jiem wara l-elezzjoni pprovaw ikelmu lil min ikkonvinċihom joħorġu jivvotaw baqgħu b’xiber imnieħer. Ma stajtx immerih fuq dan għax ma nafx, imma ma nippretendix li kien qed jgħid ħaġa b’oħra. Jew jekk din kinetx esperjenza personali tiegħu biss.

Il-ħasra hi li dawn l-esperjenzi mhumiex biss dawk ta’ Ġunju li għadda. Imma ta’ diversi drabi oħra li jista’ jkun li kienu injorati fl-ewforija ta’ maġġoranzi bla preċedent. Wieħed jittama biss li l-Partit Laburista jitgħallem min-nuqqasijiet tiegħu.
[email protected]

Moviment Graffitti

Mhux l-ewwel darba li ammirajt il-grupp relattivament żgħir ta’ żgħażagħ imsejjaħ Moviment Graffitti għall-azzjonijiet li jieħdu f’forma ta’ protesta kontra xi ħaġa li fl-opinjoni tagħhom, u mhux tagħhom biss, ma tkunx fl-interess nazzjonali. Moviment li ilu mxettel snin twal. L-aħħar forma ta’ protesta tagħhom għamluha s-Sibt tal-ġimgħa l-oħra. Dwar din il-protesta nhar il-Ħadd li għadda din il-gazzetta rrappurtat hekk:

Is-Sibt tal-ġimgħa l-oħra għadd ta’ attivisti tal-Moviment Graffitti daħlu għall-għarrieda fis-sit tal-pixxini illegali ta’ Joseph Portelli fl-ODZ fil-Qala. Huma ddikjaraw li “qegħdin nokkupawh temporanjament filwaqt li nwettqu azzjonijiet diretti kontra dan l-isfreġju ambjentali. Kif wissejna f’April li għadda, m’aħniex se nibqgħu b’idejna fuq żaqqna quddiem il-ħerba li qed jagħmlu l-iżviluppaturi f’pajjiżna, bil-barka tal-Gvern, il-politiċi u l-awtoritajiet. Qegħdin nitolbu li tinbidel minnufih il-liġi tal-appelli ħalli ma jkunux jistgħu jinbnew proġetti li għadhom waqt proċess ta’ appell. Jitneħħew il-pixxini illegali fl-ODZ tal-Qala u s-sit jerġa’ lura għal li kien a spejjeż tal-iżviluppatur. Il-liġi għall-allat li tħalli lill-iżviluppaturi jagħmlu li jridu jeħtieġ li tiżżarma. Din mhux se tieqaf hawn. Il-ġlieda tkompli.”

F’waħda mill-pixxini l-attivisti Graffitti kitbu b’ittri kbar l-kelma ILLEGALI. Mhux se nidħol fil-mertu tal-każ, mhux għax ma nafx x’għandi ngħid, imma għax ħassejtni SKANDALIZZAT bil-mod kif il-Malta Developers Association (MDA), l-assoċjazzjoni tal-iżviluppaturi, ħarġet għal dawn iż-żgħażagħ għax skont hi ħadu l-liġi f’idejhom.

Reazzjoni Ingliża għal dak li qalet l-MDA: Tell it to the marines! Tarax huwa b’din l-azzjoni li ttieħdet il-liġi f’idejn xi ħadd! Mela l-isfreġji ambjentali kontinwi, l-abbużi li jsiru minn żviluppaturi li mbagħad jiġu regolarizzati WARA li tkun saret il-froġa b’detriment għall-poplu kollu għall-gwadann tal-ftit li r-regħba kilithom x’jissejjaħ?

Tridux tħalluna sinjuri tal-MDA u tipprovawx tkomplu tgħaddu ż-żmien bin-nies. Istħu jekk tafu.

Ekonomija

Sport