Saturday, October 26, 2024

Atleta Olimpika tal-Uganda maqtula wara li ngħatat in-nar mill-għarus tagħha

Aqra wkoll

L-atleta Olimpika tal-Uganda Rebecca Cheptegei mietet fi sptar Kenjan wara li sofriet ħruq ta’ 80% f’ġisimha kollu. Hija ġiet attakkata u mogħtija n-nar mis-sieħeb tagħha stess nhar il-Ħadd li għadda. Cheptegei ta’ 33 sena mietet il-bieraħ fl-isptar fejn iddaħħlet għall-kura.

“Att kodard u bla sens”

Il-president tal-Kumitat tal-Olimpjadi tal-Uganda, f’post fuq is-sit X ikkundanna bil-qawwa l-attakk kiefer fuq Cheptegei mill-għarus tagħha u l-vjolenza fuq in-nisa b’mod ġenerali. Sostna li, “dan kien att kodard u bla sens li wassal għat-telfa ta’ atleta kbira”. 

Il-kmandant tal-pulizija tal-Kontea ta’ Trans-Nzoia Jeremiah ole Kosiom qal nhar it-Tnejn li l-għarus ta’ Cheptegei, Dickson Ndiema, xtara l-petrol, xerdu fuqha u taha n-nar u ħaraqha.  Qabel seħħ il-każ, il-koppja nstemgħu jiġġieldu barra d-dar tagħhom.

Is-suspettat inħakem ukoll min-nirien u sofra ħruq gravi huwa wkoll. Ndiema kien qed jingħata l-kura fl-istess sptar ta’ Cheptegei.

Il-ġenituri ta’ Cheptegei qalu li binthom xtrat art fi Trans-Nzoia biex tkun qrib ħafna ċ-ċentri ta’ taħriġ atletiku tal-pajjiż. Rapport ippreżentat mill-kap tal-pulizija lokali jgħid li l-koppja ġġieldu dwar l-art fejn inbniet id-dar tagħhom.

Ix-xahar li għadda Cheptegei spiċċat fl-44 post fil-maratona fl-Olimpjadi ta’ Pariġi u kienet fl-14-il post fl-avveniment fil-kampjonati tad-dinja tas-sena l-oħra f’Budapest. Fl-2022 hija rebħet it-tellieqa tal-muntanji fil-Kampjonati Dinji tal-Muntanji u t-Trail Running fit-Tajlandja.

Sport