Ma setax jonqos li l-President tal-Kummissjoni Ewropea ma tagħmilx referenza għal dak li seħħ f’dan is-sajf fejn ħafna partijiet mill-pajjiżi Ewropej intlaqtu minn sħana tremenda.
“Kważi l-ebda parti mill-kontinent tagħna baqgħet bla mittiefsa,” qalet Ursula von der Leyen b’referenza għas-sħana tremenda li kien hawn.
Saħqet li l-Ewropa kellha impatt devastanti… “660,000 ettaru li nħarqu kompletament. Xmajjar qed jisparixxu quddiem għajnejna. Aktar minn 35,000 mewt addizzjonali matul il-mewġiet tas-sħana li laqtu l-Ewropa,” qalet von der Leyen quddiem il-Membri Parlamentari Ewropej.
Saħqet li dan kien l-aktar sjaf sħun li qatt kellna. Fl-istess waqt qalet li ma hemm l-ebda dubju li l-Ewropa tista’, għandha u se jkollha tilħaq l-għanijiet tagħha fejn tidħol il-klima.
“Irridu nħaffu aktar il-preparatezza tagħna. Se nkunu qegħdin nippreżentaw qafas ġdid għar-reżiljenza tal-klima x-xahar id-dieħel…”
Kompliet tgħid li dan il-qafas se jidentifika fost l-aktar 100 territorju vulnerabbli fl-Ewropa. “Se naraw x’inhuma r-riskju u kif għandhom jiġu ġestiti. Se jagħtina approċċ li jħares lejn is-soċjetà kollha sal-livell lokali fejn l-aktar huwa importanti li jsir l-adattament… Għalhekk ukoll il-Ku mmissjonise tistabbilixxi alleanza tal-assigurazzjoni tal-klima,” saħqet il-President tal-Kummissjoni Ewropea.
“Se nippreżentaw Pjan Ewropew għall-mewġiet tas-sħana. Għandna bżonn ta’ sistemi ta’ twissija bikrija aktar tajbin, aktar preparetazza fis-sistemi tas-saħħa, adattament fl-ibliet u l-irħula u naraw kif nipproteġu dawk l-aktar vunlerbabli…” kompliet tgħid von der Leyen.




