Saturday, March 15, 2025

Atletika: Antonella Chouhal maħtura bħala World Athletics Referee

Aqra wkoll

Antonella Chouhal inħatret bħala referee tal-World Athletics għall-European Throwing Cup li jmiss, li se jsir f’Nikosija, Ċipru. Din il-ħatra prestiġjuża hija l-ewwel darba li uffiċjal Malti se jirreferee f’livell Ewropew tant għoli.

Bħala referee, Chouhal se tmexxi tim ta’ uffiċjali responsabbli mill-monitoraġġ ta’ avvenimenti speċifiċi fil-kompetizzjoni, u tiżgura li d-dixxiplini differenti jitmexxew skont ir-regolamenti ta’ European Athletics. L-għażla tagħha tirrifletti kemm l-esperjenza tagħha f’dan il-qasam kif ukoll ir-rikonoxximent tal-ħiliet tekniċi tagħha fuq livell internazzjonali.

Din il-ħatra tasal wara r-rwol tagħha bħala Technical Delegate fis-Silver Challenger Meeting tas-sena l-oħra, li kkonfermaha fost l-aqwa uffiċjali tal-atletika fl-Ewropa. Fl-2023, Chouhal kisbet iċ-ċertifikazzjoni prestiġjuża ta’ Silver-Level Referee wara li temmet b’suċċess il-korsijiet u l-eżamijiet meħtieġa organizzati minn World Athletics.

Hija b’hekk saret l-ewwel uffiċjal Malti li kisbet din il-kwalifika, li tagħtiha l-opportunità li tirreferja f’kompetizzjonijiet internazzjonali ewlenin, inklużi l-Logħob Olimpiku, il-Kampjonati Dinjija, id-Diamond League, u l-World Athletics Continental Tour.

Ir-referees ta’ Silver Level, li jirrappreżentaw it-tieni l-ogħla rikonoxximent internazzjonali għall-uffiċjali tal-atletika, jiġu evalwati b’mod kontinwu minn World Athletics biex ikun assigurat l-ogħla livell ta’ għarfien tekniku. Iċ-ċertifikazzjoni tibqa’ valida għal tmien snin.

L-għażla ta’ Chouhal għall-European Throwing Cup tenfasizza r-reputazzjoni dejjem tikber tagħha fil-komunità tal-uffiċjali u timmarka pass ieħor importanti għall-atletika Maltija fix-xena internazzjonali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport