Wednesday, July 24, 2024

Atletika: Janet Richard u Jared Micallef għall-Kampjonati Ewropej f’Ruma

Aqra wkoll

Janet Richard u Jared Micallef se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Ewropej tal-Atletika li qed isiru f’Ruma minn għada 7 ta’ Ġunju.

Dan l-avveniment jattira l-aqwa atleti fil-kontinent, inkluż atleti li rebħu midalji tad-deheb fl-Olimpjadi u l-Kampjonati tad-Dinja, u huwa vetrina importanti qabel l-Olimpjadi ta’ Pariġi.

Iż-żewġ atleti Maltin se jkunu qed itellqu fl-Istadium Olimpiku tal-kapitali Taljana fuq it-800m. Micallef se jiġri għada, 7 ta’ Ġunju, filwaqt li Richards tikkompeti fl-10 ta’ Ġunju.

Għal Richards, li għandha 25 sena, se tkun l-ewwel tellieqa tagħha fuq livell internazzjonali f’din id-distanza. Fil-passat, hija ġriet fuq l-400m fil-Kampjonati Dinjija f’Doha (2019) u Budapest (2023) kif ukoll fil-Kampjonati Ewropej f’Munich (2022).

Min-naħa l-oħra, debutt assolut fil-kamp internazzjonali għal Jared Micallef, li kiseb midalja tad-deheb u oħra tal-fidda fit-800m u l-1500m fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tas-sena li għaddiet.

Id-delegazzjoni Maltija se tkun akkumpanjata mill-kowċ Zeljko Aras u hija appoġġjata minn SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

Ekonomija

Sport