Attakk ieħor bi drones f’nofs il-Mediterran….

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar jiem seħħ attakk ieħor bi drones fuq bastiment Russu fiċ-ċentru tal-Mediterran. Il-bastiment attakkat u li jtajjar bandiera Russa iġib l-isem ta’ Lady Mariia. L-attakk seħħ fis-6 ta’ Settembru meta l-bastiment kien fi triqtu mill-Alġerija lejn il-lvant tal-Mediterran. Jidher li kif il-bastiment kien qabeż sew lil pajjiżna u kien jinsab qrib Kreta dan ġie attakk b’diversi drones. 

Għalkemm kien hemm min indika li ż-żona li fiha ġie attakkat il-bastiment hi żona li taqa’ taħt ġurisdizzjoni Griega, dan mhux il-każ. L-attakk seħħ fiż-żona bejn Kreta u l-Libja. 

  • Filmati li xxandru  juru diversi drones jitfgħu splussivi fuq il-gverta. Kien hemm nirien u ħsarat fuq il-gverta u l-krejnijiet fost oħrajn. Il-vapur kien telaq minn Oran, l-Alġerija, lejn il-Lvant u kien għaddej lejn iż-żona ta’ Kreta.
  • Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “wara l-attakk fuq l-Arctic Metagaz fl-ewwel xhur tas-sena, seħħ dan l-attakk. Tista’ tgħid li inżamm mistur u ftit li xejn issemma.  Għad m’hemm xejn ikkonfermat dwar min wettaq l-attakk imma kollox qiegħed jippona lejn l-Ukrajna. Għal darba oħra drones, li kollox jindika li telqu min Libja iwettqu attakk fil-Mediterran, żona li mhix fil-gwerra. 
  • L-istess sorsi qalulna li “dan hu każ serju.  Jekk jiġi kkonfermat li din hija operazzjoni militari ppjanata kontra vapur kummerċjali, dan jista’ jindika żieda fir-riskju ta’ attakki bid-drones fil-Mediterran ċentrali. Din iż-żona hija waħda mill-kurituri importanti tat-trasport marittimu u tintuża kuljum minn tankers, vapuri tal-merkanzija, vapuri tal-kontejners u trasportaturi tal-gass.  S’issa, l-attakki bid-drones fuq vapuri kummerċjali kienu prinċipalment marbuta mal-Baħar l-Iswed, il-Baħar l-Aħmar u, aktar reċentament, mal-Golf Għarbi u ż-żona tal-Istrett ta’ Hormuz.
  • Inċident bħal dan fil-Mediterran ċentrali jġib it-theddida direttament lejn il-kurituri marittimi ewlenin tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Wieħed irid jara jekk l-attakk fuq il-Lady Mariia kienx inċident iżolat, marbut mal-istatus tiegħu bħala vapur li kellu sanzjonijiet, jew jekk jirrappreżentax bidla usa’ fl-ambitu ġeografiku tal-operazzjonijiet bid-drones.”
  • L-istess sorsi qalulna li “jekk inċidenti bħal dawn jirrepetu ruħhom, il-konsegwenzi jistgħu jestendu għall-valutazzjoni tar-riskju għall-vapuri, il-miżuri ta’ sigurtà abbord u l-ispejjeż tal-assigurazzjoni għan-navigazzjoni f’ċerti żoni tal-Mediterran.” 

Il-Lady Mariia hu bastiment Ro-Ro li jtajjar il-bandiera Russa. Filmati li ġew ippubblikati juru drones javviċinaw il-vapur u jitfgħu splussivi żgħar direttament fuq il-gverta. Jidher li intefgħu bejn 8 u 12-il splussiv.

Il-bastiment hu suġġett għal sanzjonijiet u ġie assoċjat ma’ kumpanija Russa, MG-Fleet. L-aħħar movimenti tal-vapur juru li wara l-attakk kompla l-vjaġġ u aktar tard deher f’Port Said, l-Eġittu.

Attakki bħal dan, jekk se jibqgħu iseħħu jistgħu jaffettwaw sew it-traffiku marittimu fil-Mediterran.  U dan minħabba li jibda jitqies li hemm riskju ogħla għall-vapuri li jgħaddu miż-żona tal-Mediterran ċentrali. Minħabba dawn l-attakki kumpaniji tat-tbaħħir jistgħu jagħżlu rotot kemxejn differenti biex jevitaw iż-żona tal-inċident.

Sorsi qrib kumpanija marittima meta tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “dawn l-attakk qegħdin iħassbuna. Il-Mediterran mhux parti miż-żona tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Hu ta’ tħassib li qegħdin isiru attakki hawn. M’hemmx dubju li jekk ikun hemm aktar każi ta’ attakki, dan jista’ jaffettwar it-traffiku marittimu fil-Mediterran”. 

Minkejja li fl-aħħar jiem fil-Mediterran daħlu diversi bastimenti militari Russi, jidher li dawn ma kinux fil-viċinanzi biex jipprovdu xi għajnuna lill-Lady Mariia. L-aħħar bastimenti Russi li kienu il-Mediterran — kienu id-destroyer RFS Admiral Levchenko, il-General Skobelev, , il-bastiment tal-merkanzija Ro-Ro Sparta u l-bastiment tal-fjuwil Akademik Pashin. Dawn għaddew mill-Istrett ta’ Ġibiltà lejn il-Lvant tard fis-27 ta’ Awwissu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport