Attakk mill-ajru Iżraeljan fil-belt ta’ Khan Younis f’Gaża qatel lil Salah al-Bardaweel, l-ogħla mexxej politiku tal-Ħamas. Dan intqal minn uffiċjal tal-Ħamas f’kumment mal-BBC kmieni l-Ħadd filgħodu.
In-nies tal-lokal qalu l il-attakk mill-ajru qatel kemm lil Bardaweel, membru fi ħdan l-uffiċċju politiku tal-istess grupp, kif ukoll lil martu.
B’rabta ma’ dan l-attakk, uffiċjali Iżraeljani ma kienu taw l-ebda kumment fl-immedjat.
Il-militar ta’ Iżrael reġa’ beda bl-attakki tiegħu fuq Gaża mit-Tlieta li għadda, wara li tefa’ l-ħtija fuq il-Ħamas talli “naqas milli jestendi l-ewwel fażi ta’ waqfien mill-ġlied” li kien daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Jannar li għadda u dam kważi xahrejn.
Il-Ħamas ċaħad dawn l-akkużi u min-naħa tiegħu akkuża lill-Iżrael li kiser il-ftehim li kien ikkomunikat mill-Qatar, l-Eġittu u l-Istati Uniti.
Uffiċjal fil-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas qal li 32 Palestinjan inqatlu fl-aħħar sigħat f’diversi partijiet fil-Medda ta’ Gaża.
Fi stqarrija, il-Ħamas qal li Bardaweel kien qiegħed jitlob flimkien ma’ martu meta missila Iżraeljana laqtet it-tinda tagħhom. Bardaweel huwa wieħed minn madwar 10 uffiċjali tal-Ħamas li huma rrapportati li nqatlu minn meta Iżrael reġa’ beda bl-operazzjonijiet militari tiegħu f’Gaża nhar it-Tlieta.