Uffiċjali għolja mill-Istati Uniti u miċ-Ċina ddiskutew il-ħolqien ta’ “mekkaniżmu ġdid ta’ notifika” dwar inċidenti relatati mal-intelliġenza artifiċjali (AI) li jistgħu jaffettwaw is-sigurtà nazzjonali. Qal dan is-Segretarju tat-Teżor tal-Istati Uniti, Scott Bessent, f’kummenti lill-ġurnalisti nhar il-Ħadd.
Bessent għamel dawn il-kummenti wara dak li ddeskriva bħala taħditiet “ta’ suċċess” mal-Viċi Prim Ministru Ċiniż He Lifeng fi New York.
Il-laqgħa saret hekk kif il-President tal-Istati Uniti Donald Trump u l-President Ċiniż Xi Jinping mistennija jagħmlu summit f’Washington aktar tard din il-ġimgħa.
L-Intelliġenza Artifiċjali (IA) kienet taħt skrutinju qawwi fl-aħħar jiem, wara li riċerkaturi wissew dwar ir-riskji potenzjali marbuta ma’ din it-teknoloġija, filwaqt li wħud mill-aktar persuni magħrufa fl-industrija appellaw lill-iżviluppaturi biex jadottaw approċċ aktar kawt.
“Aħna nemmnu li, bħal f’kull attività transkonfinali, huwa importanti ħafna li nimxu minn sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ trasparenza għal aktar trasparenza bejn l-ewwel u t-tieni potenza ewlenija tal-AI fid-dinja,” qal Bessent lill-ġurnalisti wara t-taħditiet.
Huwa qal li l-laqgħa kopriet ukoll suġġetti oħra, fosthom pjanijiet biex jiġi “operazzjonalizzat” proċess li jidentifika tnaqqis potenzjali fit-tariffi fuq prodotti, permezz ta’ entità msejħa Board of Trade.
