“Il-prudenza u l-abbiltà li tipprevedi l-futur huma inkompatibbli mal-omertà”- l-Arċisqof Charles Scicluna

Aqra wkoll

“Kif spiss għedt meta tkellimt dwar il-ħarsien tat-tfal, il-prudenza u l-abbiltà li tipprevedi l-futur huma inkompatibbli mal-omertà, jew ma’ arranġamenti li jimponu s-skiet fuq il-vittmi jew il-familji tagħhom.

“It-trasparenza, il-previżjoni (foresight) u l-kontabbiltà għandhom ikunu valuri fil-governanza kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja. Meta aħna, bħala mexxejja fi ħdan il-Knisja, infallu f’din ir-responsabbiltà, ix-xhieda tagħna tiġi fix-xejn u l-ministeru tagħna jiġi imminat. 

“L-istess spirtu ta’ responsabbiltà u previżjoni għandu jmexxi l-għażliet li nagħmlu dwar il-futur ta’ pajjiżna, inklużi mistoqsijiet diffiċli dwar kif tiżviluppa Malta, kemm tikber malajr u kif jiġi mmaniġġjat dak it-tkabbir.”

Stqarr dan l-Arċisqof Charles Scicluna fl-omelija tiegħu waqt quddiesa li saret fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fl-okkażjoni ta’ Jum l-Indipendenza. 

L-Arċisqof Scicluna beda billi rrikonoxxa li Malta nbidlet ħafna f’dawn l-aħħar snin. “L-ekonomija tagħna kibret, l-impjiegi żdiedu, u nies minn ħafna pajjiżi kkontribwew il-ħiliet u x-xogħol tagħhom għall-prosperità tagħna u għas-servizzi essenzjali.”

Tenna li għal dan għandna nkunu grati iżda fi kliemu stess l-iżvilupp mgħaġġel u ż-żieda fil-popolazzjoni jġibu magħhom ukoll konsegwenzi. Semma’ kif it-toroq tagħna, l-akkomodazzjoni, il-provvista tal-elettriku, is-sistemi tad-drenaġġ, l-immaniġġjar tal-iskart, il-kura tas-saħħa u l-ambjent kollha jħossu pressjonijiet maħluqa minn ekonomija u popolazzjoni li dejjem qed jikbru. 

L-Arċisqof tenna li l-prudenza u l-kapaċità li tipprevedi għandhom x’jaqsmu wkoll mal-istituzzjonijiet li fuqhom tiddependi soċjetà ħielsa u demokratika. 

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna fakkar ukoll kif wara disa’ snin ta’ wġigħ, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia għadha tfittex ġustizzja għall-qtil faħxi tagħha. 

“L-appell tiegħi huwa lil dawk li huma fdati b’responsabbiltà pubblika, u lilna lkoll li għandna d-dmir niżguraw li l-istituzzjonijiet tagħna jibqgħu aktar b’saħħithom mill-interessi li jistgħu jippruvaw jinfluwenzawhom. Fl-aħħar mill-aħħar, din mhix kwistjoni ta’ politika. Hi ferm akbar minn hekk. Hi dwar x’tip ta’ pajjiż irridu li Malta tkun, u jekk il-poplu jistax jafda lill-istituzzjonijiet tagħha biex jaqdih b’indipendenza, kuraġġ u integrità,” tenna l-Arċisqof.

Meta tkellem dwar il-ħaddiema barranin, l-Arċisqof Scicluna qal li Malta bbenefikat ħafna minnhom. Qal li ħafna minn dawn il-ħaddiema jieħdu ħsieb l-anzjani u l-morda tagħna u jipprovdu servizzi li niddependu fuqhom. “Jistħoqqilhom il-gratitudni tagħna, iżda wkoll il-ġustizzja. Migrant mhuwiex sempliċiment par idejn.”

“L-ebda mudell ekonomiku m’għandu jiddependi fuq nies li jaċċettaw kundizzjonijiet li aħna nqisu inaċċettabbli għalina nfusna jew għal uliedna.

“Fl-istess waqt, irridu nistaqsu jekk tkabbir kontinwu u sostanzjali fil-popolazzjoni huwiex sostenibbli għal gżejjer tad-daqs tagħna. Għandna ninvestu fin-nies tagħna stess filwaqt li nilqgħu ħaddiema barranin fejn tassew hemm bżonnhom u nittrattawhom b’dinjità,” qal l-Arċisqof Scicluna. 

Żied li f’Jum l-Indipendenza, għandna nistaqsu wkoll kif inkejlu s-suċċess nazzjonali. “It-tkabbir ekonomiku, l-investiment u l-impjiegi huma importanti. Iżda l-Prodott Domestiku Gross ma jistax jgħidilna kollox dwar il-ġid u l-benesseri ta’ nazzjon.

“Iż-żgħażagħ jistgħu jixtru dar diċenti? L-anzjani tagħna jistgħu jirċievu l-kura li jistħoqqilhom? Il-ħaddiema huma trattati b’dinjità? In-nies jistgħu jafdaw lill-istituzzjonijiet li nħolqu biex jaqduhom? Nistgħu nħarsu aktar spazji ħodor protetti?”, kompla jistaqsi l-Arċisqof. “U Malta li se nħallu lil uliedna, se tkun mhux biss aktar għanja, iżda aħjar minn Malta li writna? B’dawn jitkejjel verament il-progress.”

“Governanza tajba teħtieġ analiżi onesta ta’ dak li nistgħu nħaddnu b’mod sostenibbli, istituzzjonijiet b’saħħithom biżżejjed biex jipproteġu l-ġid komuni, u nies fi ħdanhom li jaħdmu b’kuraġġ u lesti jqiegħdu d-dmir qabel il-flus, il-poter, il-ħbiberiji jew il-pjaċiri,” temm jgħid l-Arċisqof Scicluna. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport