Żagħżugħ li għandu 20 sena u li jaħdem bħala gwardjan tal-ħabs baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li stupra lill-eks sieħba tiegħu li għadha taħt l-età.
Bradley Mercieca ġie mixli li bejn Frar tal-2025 u Settembru tal-2026, allegatament stupra lill-vittma, li fiż-żmien meta beda jseħħ dan ir-reat hija kellha biss 14-il sena.
Huwa kien mixli wkoll li żammha kontra l-volontà tagħha, li kkorrompa persuna taħt is-16-il sena, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali magħha, li ħa ritratti jew filmati indiċenti tagħha, li taha fastidju, li beżżagħha, li heddidha u li insulentaha.
Fil-Qorti nstema’ kif nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Settembru, sar rapport fis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika mingħand il-minuri fil-preżenza ta’ ommha fejn stqarret li kienet ilha madwar sena u nofs f’relazzjoni mal-imputat.
Hija ddeskriviet ir-relazzjoni bħala “abbużiva” fejn allegat li l-imputat kien jisforzaha tagħmel attivitajiet sesswali tiegħu u kien jieħu filmati tagħha waqt dawn l-atti kontra l-volontà tagħha.
Allegat ukoll l-imputat kien jheddidha li se jxerred il-filmati tagħha filwaqt li kien jinsulentaha u jheddidha li allegatament kien se jispara fuqha u wara jispara fuqu nnifsu.
Il-Prosekuzzjoni qalet li hemm kienet tħassret ir-relazzjoni ta’ bejniethom u l-allegata vittma marret tagħmel rapport. L-imputat kien ġie arrestat wara li nħareġ mandat t’arrest fil-konfront tiegħu.
Huwa tressaq b’urġenza t-Tnejn, quddiem il-Maġistrat Monica Vella, fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu. Id-Difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-biża’ ta’ intralċ ta’ provi peress li għad trid tixhed kemm l-allegata vittma ta’ 16-il sena kif ukoll persuni oħra.
Min-naħa tagħha, id-Difiża argumentat li l-allegat theddid kien relatat mal-fatt li l-koppja ma baqgħetx flimkien u saħqet li “għad irridu naraw għaliex ir-rapport fuq l-allegati akkużi kollha ma sarx mill-ewwel u wara l-break up.”
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella qieset li fiċ-ċirkostanzi tal-każ u l-fatt li l-allegata vittma għadha minuri, għaldaqstant meqjusa vulnerabbli u għadha wkoll se tixhed, f’dan l-istadju bikri tal-proċeduri kienet qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Cynthia Tomasuolo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Marshall Mallia u Carlos Cordina.
L-Avukat Herman Mula deher għall-imputat filwaqt li l-Avukat Josephine Farrugia Mifsud dehret parte civile għall-allegata vittma.
