Tuesday, April 30, 2024

Attakk terroristiku jħalli numru ta’ persuni mejta fis-Sirja

Aqra wkoll

Attakk bil-bombi fuq vet­tura użata mill-militar ġewwa ċ-ċentru tal-kapitali Sirjana Damasku ħalla 14-il persuna mejtin. 

Żewġ bombi, li ġew imwaħħlin mal-vettura, ġew sploduti hekk kif din kienet għaddejja minn taħt pont ġewwa fil-belt ta’ Jisr al-Rais. Il-każ seħħ filgħodu, fil-ħin li t-toroq ikunu ppakkjati bil-karozzi. 

Minkejja li s-Sirja ilha snin għaddejja minn gwerra ċivili, attakki ta’ dan it-tip ġewwa l-kapitali tista’ tgħid li saru rarità. Ftit tal-ħin wara li seħħ l-attakk, l-armata qalet li qatlet minn tal-inqas għaxar persuni f’żona fil-Majjistral tal-pajjiż li hija okkupata mill-oppożizzjoni. Din iż-żona hija l-aħħar fortizza tar-ribelli u l-gruppi ġiħadisti li ilhom mill-2011 jipprovaw ineħħu lill-President Sirjan Bashar al-Assad mill-kariga. 

Il-kunflitt fis-Sirja ħalla minn tal-inqas 350,000 persuna mejtin u wassal biex kważi nofs il-popolazzjoni titlaq minn darha – fosthom sitt miljun refuġjat li ħarbu mill-pajjiż. 

L-attakk tal-lum f’Damasku qiegħed ikun meqjus bħala l-iktar wieħed imdemmi minn Marzu tal-2017 ’il hawn meta dakinhar 31 persuna kienu tilfu ħajjithom f’attakk suwiċida. Il-grupp ta’ ġiħadisti li jsejħu lilhom infushom bħala Stat Iżlamiku kienu refgħu r-responsabbiltà ta’ dak l-attakk. 

Filmati u ritratti li xxandru fuq il-midja kienu juri l-vettura meqruda totalment, b’għadd ta’ pumpiera jikkontrollaw in-nirien. L-aġenzija tal-aħbarijiet Sana qalet li l-inġiniera militari ddiattivaw it-tielet bomba li waqgħet minn din il-vettura. Il-Kummissarju tal-pulizija ta’ Damasku l-Ġeneral Hussein Jumaa ddeskriva dan l-attakk bħala wieħed kodard. 

Sa issa l-ebda grupp ma kien għadu refa’ r-responsabbiltà ta’ dan l-attakk imdemmi, iżda s-suspetti kollha jinsabu fuq l-Istat Iżlamiku. Dan il-grupp kien wara attakki fuq vetturi militari oħrajn ġewwa s-Sirja iktar kmieni din is-sena. 

Sport