Friday, May 3, 2024

Attakki bil-missili bejn l-Iran u l-Pakistan

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar il-Ħamis li għadda il-Pakistan spara numru mdaqqas ta’ missili fuq territorju fix-xlokk tal-Iran, magħruf bħala  Sistan u Baluchistan, territorju li jinsab qrib il-fruntiera ta’ bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Skont il-gvern Pakistani, dawn l-attakki saru għaliex fiż-żoni attakkati kien hemm bazijiet ta’ gruppi militanti separatisti magħrufa bħala l-Balochistan Liberation Front u l-Balochistan Liberation Army. Dan attakk, minbarra li żied it-tensjoni bejn dawn iż-żewġ pajjiżi enormi, qiegħed jiġi meqjus bħala ritaljazzjoni għall-attakki simili li l-Iran riċentament għamel fuq territorju Pakistani li wkoll jinsab qrib il-fruntiera.

Minkejja li kelliema ghaz-zewg gruppi militanti li semmejna ċaħdu li huma kellhom xi bażijiet fiż-żona attakkata, skont il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Pakistani numru ta’ militanti nqatlu f’dawn l-attakki. Il-gvernatur tas-Sistan u Baluchstan ikkonferma li tilfu ħajjithom għaxra min-nies għalkemm ma speċifikax jekk dawn kinux militanti jew le.

Kemm il-Pakistan kif ukoll l-Iran ilhom żmien twil jiġġieldu lil diversi gruppi militanti li jingħad għandhom l-bażijiet tagħhom fuq iż-żewġ naħat tal-fruntieri bejn iż-żewġ pajjiżi, fruntiera li qiegħda fuq medda ta’ kważi 600 mil.

Min huma n-nies tal-Baluch?

Din iż-żona tinsab eżattament bejn l-istess Pakistan u l-Iran u l-Afganistan. Dawn in-nies ilhom żmien twil juru l-għadab tagħhom li huma jitmexxew kemm mill-Iran u kemm mill-Pakistan. Jingħad li l-Buluchs jammontaw għal madwar 11-il miljun ruħ.

Skont in-nies li jgħixu ġewwa dan ir-reġjun, huma qegħdin ibatu l-faqar minkejja li arthom hija mimlija daqs bajda bir-riżorsi naturali li skont huma qegħdin iħaxxnu l-bwiet tal-Pakistan u tal-Iran.

Ir-raġuni tal-attakk minn Islamabad 

Wara dan l-attakk li semmejna, l-gvern Pakistani indirizza lill-midja internazzjonali. Skont il-kelliem li kien qiegħed jirrapreżenta lill-Ministru tal-Affarijet Barranin Pakistani, il-Pakistan kien ilu s-snin juri t-tħassib tiegħu mal-gvern Iranjan fuq eskalazzjoni ta’ attività minn dawn il-gruppi militanti, l-aktar minn grupp magħruf bħala s-Sarmachar. Skont dan il-kelliem, pajjiżu kien bagħat l-evidenza li kellu f’dan ir-rigward lill-gvern ta’ Tehran.

Skond l-istess kelliem, minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni konkreta mill-Iran, pajjiżu ma kellux għażla ohra ħlief li jieħu l-liġi b’idejh u jwaqqaf dik li huwa rrefera għaliha bħala ‘preparazzjoni għall-attakk terrorista fuq skala kbira’ mis-Sarmachars. Il-kelliem żied jgħid li l-Pakistan ghamel dan l-attakk fl-isfond li jirrispetta is-sovranità territorjali tal-Iran.

Botta u risposta

Dan l-attakk bil-missili mill-Pakistan ġie biss wara 24 siegħa minn attakk simili mill-Iran fuq territorju Pakistani li skont il-gvern ta’ Tehran, fih kien hemm bażijiet militari ta’ grupp militanti magħruf bħala l-Jaish al-Adl. F’dan l-attakk inqatlu żewġt itfal u sfaw feruti numru ndaqqas ta’ nies.

Dan l-attakk mill-Iran wassal sabiex il-gvern ta’ Islamabad jordna lill-ambaxxatur Iranjan ġewwa l-Pakistan sabiex ma jirritornax ġewwa l-Pakistan minn żjara uffiċjali f’pajjiż ieħor. L-Iran kien uża l-istess skuża li eventwalment uża l-Pakistan għall-attakk tiegħu fuq l-Iran, jiġifieri li l-iskop tal-attakk kien biss li jikkontrolla l-attività ta’ grupp terroristiku u mhux li jhedded is-sovranità tal-pajjiż ġar tiegħu.

Il-gravità ta’ dawn iż-żewġ attakki trid tiġi apprezzata fl-isfond ta’ dak li qiegħed jiġri bħalissa ġewwa dan ir-reġjun, speċjalment il-ġlied bejn il-Palestinjani u l-Iżraeliti ġewwa Gaża. Fil-fatt, dawn iż-żewġ attakki gew wara numru ta’ interventi militari bejn Iran u bażijiet militari Izraeliti ġewwa l-Iraq.

.

Sport