Friday, May 3, 2024

Miexi l-proċess dwar l-iskill cards fl-industrija tat-turiżmu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proċess dwar l-iskill cards fl-industrija tat-turiżmu miexi sew. Din hija ħolqa oħra f’kullana ta’ inizjattivi biex l-awtoritajiet dejjem iżommu l-kontroll ta’ kull sitwazzjoni u biex nelevaw ‘il fuq i-kwalità tas-servizzi li jingħataw f’dan il-pajjiż. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi minn dan is-sit, dwar f’hiex wasal il-proċess marbut ma’ din ir-riforma għal aktar kwalità fis-servizz. 

Dr Abela beda biex qal li fis-settur tal-ospitalità, l-iskill cards kienu meħtieġa għall-industrija. “It-turiżmu kien, għadu u jrid jibqa’ importanti. Imma rridu nibqgħu ninvestu fih. Ma kinitx tagħmel sens li l-livell, il-kwalità, tintrebaħ bil-kwantità,” qal il-Prim Ministru. 

“Fuq naħa qed nippromwovu turiżmu ta’ kwalità, u allura ma jistax ikollok min qed jipprovdi servizz li qed ikun kwantità mingħajr kwalità. U dik hi l-għan ta’ wara r-riforma. Li fejn il-pajjiż hemm il-ħtieġa ta’ ħaddiema biex jissuplimentaw il-workforce Għawdxija u Maltija hemm jiġu imma jridu jkunu mħarrġa. Ma jistax ikollok sitwazzjoni f’ristoranti fejn xi ħadd qed iservi li m’għandux idea tal-menu pereżempju.”

Huwa qal ukoll li din ir-riforma qiegħda ssir mal-industrija, b’sinerġija mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu u anke mal-Istitut għall-Istitudji Turistiċi. “Konvint li se tkun riforma li qatt ma saret qabel, tkun l-ewwel waħda li saret,” tenna l-Prim Ministru. 

Huwa kompla billi allaċċja din ir-riforma ma’ dik li saret dwar it-temping agencies. Enfasizza li: “jekk issaqsini kienx aċċettabbli għalija li xi ħadd iqum filgħodu u jgħid li jrid isir temping agent, m’għandux regolamenti li jikkontrollawh, mela jien nista’ naqbad, kif kellna, mijiet ta’ applikazzjonijiet biex inġib nies minn barra l-pajjiż f’Malta, ma nafx jekk is-suq tax-xogħol jeħtiġhomx, ma nafx jekk għandhomx kwalifiki, ma nafx jekk l-industrija partikolari li sejrin jaħdmu fiha teħtiġhomx, però ġew Malta.

“Skroprejna sitwazzjoni fejn dawn kienu jiġu Malta kuntratt ta’ xogħol fuq il-karta, li meta tinvestiga x’hemm warajh ma ssib xejn. Ġew Malta taparsi impjegati u m’huma impjegat xejn. Dak l-abbuż inżilna għalih b’saħħa kbira. Fhimt l-għajta tal-poplu x’kienet. Kienet waħda ċara bħal kif kienet fil-kwistjoni tal-inflazzjoni tal-prezzijiet tal-ikel u aġixxejna bis-saħħa dwarha,” temm jgħid Dr Abela.

Sport