Saturday, May 4, 2024

“Attakki fuq uffiċjali tal-infurzar qatt mhuma skużabbli” – il-Qorti

Aqra wkoll

Tliet snin ħabs wara li darab żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta

Clyde Farrugia ta’ 24 sena kien ikkundannat tliet snin priġunerija u mmultat €4,000 wara li nstab ħati li darab żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta, wieħed minnhom b’mod gravi, waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Il-każ imur lura għat-23 ta’ Frar 2020 waqt il-Karnival tan-Nadur meta kien seħħ argument fi Triq il-Paljijiet. L-uffiċjali qalu li huma kienu ġew aggrediti minn persuna waqt li kienu qed jikkontrollaw it-traffiku.

Dawn stqarrew mal-Pulizija li persuna kien mar fuqhom jgħajjat għax laqqat ċitazzjoni. Dan tefa’ ċ-ċitazzjoni f’ħalqu, kielu u beżqu ‘l barra. X’ħin niżlu aktar ‘l isfel raw lil din il-persuna mal-ħajt fejn il-vettura li kienet laqtet ċitazzjoni.

Fil-pront dan mar minn warajhom u għall-għarrieda allegatament ta daqqa ta’ ponn lil wieħed mill-uffiċjali ta’ Transport Malta. Meta l-kollega tiegħu mar biex iżommu, l-allegressur ipprova wkoll jaħbta għalih. 

Fix-xhieda tiegħu, dan tal-aħħar qal li kien irnexxielu jneħħi l-balaklava minn wiċċ l-aggressur u għarfu bħala l-imputat li kien ħebb lil sieħbu.

Min-naħa tiegħu, Farrugia kien ċaħad li ħebb għall-uffiċjali u allega li kien lemaħ lil sieħbu jargumenta ma’ żewġ uffiċjali pubbliċi. Qal li huwa kien daħal biex iferraqhom u allega li ġie aggredit.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joseph Mifsud innotat kif l-istqarrija tal-imputa kien fiha numru ta’ inkosistenzi. Dan hekk kif l-ewwel qal li x’ħin daħal iferraq spiċċa qala’ daqqa ta’ ponn ma jafx mingħand min u spiċċa biex jiddefendi lilu nnifsu. Imbagħad lejn l-aħħar tal-istqarrija jgħid li safa aggredit minn wieħed mill-uffiċjali ta’ Transport Malta. 

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qalet li l-verżjoni tal-uffiċjali ma kinitx kontradetta minn ebda xhud ieħor ħlief l-imputat. Il-verżjoni tagħhom issib komfort ukoll fil-filmati tas-CCTV, li indikaw li l-aggressjoni seħħet fil-konfront tal-uffiċjali.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud reġgħet tenniet li l-uffiċjali inkarigati minn infurzar ta’ ordni pubbliku jridu jkunu protetti waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u ħadd mhuwa skużat – tkun xi tkun ir-raġuni – li jhedded lil xi ħadd minnhom jew li b’xi mod iweġġagħhom.

“Ordni ta’ ufficjal tal-infurzar ghandha tkun obduta mal-ewwel u għandu jintwera rispett lejn kull uffiċjal dejjem u kullimkien,” saħqet il-Qorti. “Fdan il-każ it-tensjoni ħoloqha bla bżonn l-imputat stess, liema imġiba qatt mhi se tkun tollerata minn din il-Qorti.”

Il-Maġistrat Mifsud kompla jgħid li: “il-Qorti ma tridx li uffiċjali inkarigati mill-infurzar jiddemoralizzaw ruħhom għaliex għad hawn min jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi u ma jirrispetta lil hadd. Attakk fuq membru ta’ xi forza tal-ordni huwa attakk fuq is-soċjetà kollha. Kif jista’ f’pajjiżna xi ħadd jaċċetta li membru ta’ xi korp jew aġenzija inkarigat mill-infurzar joħroġ mid-dar għal ġurnata tax-xogħol u jirritorna lura ferut?”

“L-ufficjali tal-infurzar qegħdin hemm sabiex jipproteġu liċ-ċittadin u m’għandhomx jiġu mqiegħda f’sitwazzjoni li jibzgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jikkoreġu lill-individwu li ma jkunx qed jimxi skont il-liġi. 

Il-Qorti tinkoraġġixxi lil dawk kollha inkarigati mill-infurzar tal-ligijiet sabiex jintervjenu kull fejn ikun hemm xi nuqqas ta’ terz u dan bl-intendiment li jkun hemm armonija sħiħa fil-pajjiż,” tenna l-Maġistrat Mifsud.

Kien għalhekk li filwaqt li sabu ħati li inġurja lill-uffiċjali u weġġagħhom, ikkundanna lil Farrrugia għal piena ta’ tliet snin priġunerija flimkien ma’ multa ta’ €4,000.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri. 

Sport