Monday, May 13, 2024

Splużjoni f’Moskea fl-Afganistan tħalli mill-anqas 16-il vittma

Aqra wkoll

Mill-anqas 16-il persuna mietu u mat-32 indarbu fi splużjoni li seħħet f’Moskea waqt it-talb tal-Ġimgħa fil-belt Afgana ta’ Kandahar.

L-isplużjoni seħħet fil-Moskea ta’ Iman Bargah. Ritratti li nxterdu fuq il-midja juru ħġieġ mkisser u katavri mxerrdin fl-art, filwaqt li oħrajn pruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna.

Minkejja li qiegħed ikun maħsub li l-isplużjoni kienet kkawżata minn bomba suwiċida, għad m’hemm l-ebda konferma dwar dan. Tabib tal-lokal li tkellem mal-ġurnalisti qal li dawk midrubin kienu se jittieħdu fl-isptar ta’ Mirwais.

Il-Ġimgħa li għaddiet, attakk suwiċida ieħor waqt it-talb tal-Ġimgħa ħalla mill-anqas 50 persuna mejta fil-belt ta’ Kunduz. Il-fergħa tal-Istat Iżlamiku IS-K ikkonfermat li hi kienet wara dan l-attakk meqjus bħala l-aktar wieħed li ħalla vittmi sa minn meta l-Istati Uniti ħallew il-pajjiż f’Awwissu li għadda.

Sport