Wednesday, April 24, 2024

IL-METRO U GĦALA HI PARTI BISS MIS-SOLUZZJONI

Aqra wkoll


Ma nistax ma ninnutax il-fatt li l-istudju tal-metro ġie konkluż, u li ġew ippublikati wkoll ir-riżultati tal-istudju. Rajt ħafna kummenti jżebilħu l-idea li Malta jista’ jkollha metro. Onestament, għal liema raġuni ma nafx. Nitkellmu ħafna fuq kif hemm bżonn innaqsu l-karozzi mit-toroq tagħna. Nitkellmu ħafna fuq it-traffiku, u l-fatt li kull familja għanda żewġ karozzi, jew iżjed. Imma imbagħad xi kultant nistħajjilna nibqgħu lura mis-soluzzjoni ovvja li tkun fuq l-orizzont. 

Biss pero’, irrid ngħid ukoll li s-soluzzjoni, mhix u qatt ma tista’ tkun il-metro waħidha. Infatti, fl-opinjoni tiegħi, is-soluzzjoni għat-tnaqqis tat-traffiku fit-toroq tagħna hija numru t’affarijiet, li meta tgħaqqadhom flimkien, ikunu jfissru sistema ta’ trasport pubbliku effettiv u effiċċjenti. Bil-metro, tal-linja xorta trid iżżom il-frekwenza li għanda, biex ma ngħidx iżżidha wkoll. Apparti hekk, il-konnessjonijiet permezz tal-baħar iridu jkomplu jiżdiedu – u dan hemm bżonn isir illum qabel għada. Irrid ngħid li f’dan ir-rigward, il-Gvern ħabbar diversi miżuri interessanti fil-Baġit ta’ din il-ġimgħa, miżuri li indubjament iridu jkomplu jiżdiedu jekk irridu trasport pubbliku verament effiċċjenti. Kull min mar Istanbul, jgħidlek li qasam il-Bosferu bil-ferry biex imur min-naħa Ewropea għan-naħa Ażjatika tal-belt. Allura ngħid jien, la t-Torok kapaċi jkollhom servizz tal-baħar effiċċjenti, għala aħna l-Maltin, li ngħixu fi gżira, m’għandux ikollna servizz effiċċjenti wkoll? 

Verament nemmen li f’dan il-pajjiż daqs tikka, nistgħu nispiċċaw b’sitwazzjoni fejn ma jkollokx bżonn karozza, diment li ovvjament ma jkollokx familja mdaqqsa u tkun trid twassal it-tfal kullimkien u tiġri minn post għall-ieħor. Biex isir hekk madanakollu, hemm bżonn katina ta’ miżuri. F’din il-katina, il-metro hija biss ħolqa waħda.

In-naħa t’isfel ta’ Malta u l-konnettività

In-naħa t’isfel ta’ Malta, li hija l-aktar parti li fl-opinjoni tiegħi għandha bżonn investiment u konnettivita’ ta’ kwalità, hija maqtugħa mill-pjan tal-metro, għajr għal ftit waqfiet f’lokalitajiet ċentrali. Ħafna ma ħadux gost b’dan u ma tagħtihomx tort, speċjalment meta għandek żoni li diġà huma konnessi ferm mal-Belt, li ser ikollhom waqfa wkoll, akuntrarju ta’ ħafna lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Forsi issib min jgħidlek li kif jinsabu l-affarijiet, dan mhuwiex kummerċjalment vijabbli. Dan il-punt nifhmu. Issib min jgħidlek ukoll li n-naħa t’isfel ta’ Malta jista’ jkun li tkun konnessa permezz ta’ shuttles, jew inkella permezz ta’ link tal-baħar – u veru. Aktar minn hekk pero’, jista’ jkollok sitwazzjoni fil-futur fejn ikollna linji oħrajn li jiġu miżjuda mat-tlieta proposti – li naħseb li hija xi ħaġa li tagħmel ħafna sens. Nista’ naħseb fi tnejn f’dan ir-rigward: waħda għan-naħa t’isfel ta’ Malta u l-oħra għan-naħa ta’ fuq u Għawdex. 

Hekk jew b’hekk, prinċipju sagru tal-ekonomija huwa li investiment infrastrutturali dejjem iwassal għal aktar investiment u tkabbir ekonomiku fit-tul, u l-istudju ppubblikat mill-Gvern dan jikkonfermah. Nemmen li għaldaqstant, permezz ta’ pjan serju ta’ konnettività, kapaċi nolqtu żewġ għasafar b’ġebla waħda.

Sport