Friday, July 19, 2024

Attendenzi rekord ta’ kull żmien fiċ-Championship fl-Ingilterra

Aqra wkoll

L-istaġun li għadda ra l-ogħla attendenza ġenerali fil-partiti taċ-Championship minn mindu bdew jinżammu r-rekords aktar minn 130 sena ilu.

Aktar minn 12-il miljun ruħ xtraw biljetti għal-logħob tat-tieni livell fl-2023-24 – żieda ta’ 22% fuq l-istaġun preċedenti, qal l-English Football Lea­gue (EFL).

Iċ-ċifra hija ogħla mill-Bundesliga Ġermaniża, La Liga ta’ Spanja u s-Serie A tal-Italja, u tagħmel iċ-Championship it-tieni kampjonat bl-akbar attendenza fl-Ewropa, wara l-Premier League.

Inklużi l-play-offs, inxtraw kważi 22 miljun biljett għal-logħob tal-kampjonat tal-EFL madwar iċ-Championship, League One u League Two fl-is­taġun li għadda.

Iċ-ċifra kumulattiva madwar il- kampjonati hija l-ogħla mill-1951-52 u żieda ta’ 11% fuq l-istaġun ta’ qabel.

“In-numri tal-2023-24 huma prova tanġibbli li l-kompetizzjonijiet tagħna issa huma fost l-aktar eċċitanti u popolari fil-football Ewropew,” qal il-kap eżekuttiv tal-EFL, Trevor Birch, fi stqar­rija.

“Hija tassew bravura notevoli meta tqis il-kwalità tal-players u l-football li juru madwar il-kontinent.

“Dawn in-numri mhumiex biss riżultat tas-saħħa u l-profondità tal-EFL iżda jenfasizzaw ukoll l-importanza tal-piramida tal-football u r-raġunijiet għalfejn għandna bżonn nipproteġuha.”

Il-finali tal-play-off taċ-Championship bejn Leeds United u Southampton f’Wembley Stadium, mirbuħa 1-0 mis-Saints, kellha attendenza ogħla (85,862) mill-finali tal-FA Cup bejn Manchester United u Manchester City fl-istadium nazzjonali fil-ġurnata ta’ qabel (84,814).

Ekonomija

Sport