Saturday, July 20, 2024

Euro 2024: Buffon jgħid li l-Italja qed tiġi sottovalutata

Aqra wkoll

Il-kap tad-delegazzjoni tal-Italja, Gigi Buffon jinsisti li l-Azzurri huma ‘sottovalutati’ fil-Euro 2024 u jħoss li jistgħu jiddependu fuq mill-inqas erba’ players tal-aqwa kwalitá.

Il-bieraħ Buffon ingħaqad mal-captain ta’ Napoli, Giovanni Di Lorenzo, waqt konferenza stampa minn Casa Azzurri.

L-iskwadra u l-persunel tal-Italja waslu l-Ġermanja nhar it-Tnejn filgħaxija u l-bie­raħ tħarrġu quddiem kważi 5,000 ruħ.

Dan se jkun l-ewwel tournament internazzjonali ewlieni ta’ Buffon bħala kap tad-delegazzjoni tal-Italja, għalhekk ġie mistoqsi dwar is-sentimenti u l-ħsibijiet tiegħu qabel id-debutt tal-Italja kontra l-Albanija nhar is-Sibt. 

“Kont kurjuż dwar is-sentimenti tiegħi u kif se nipprepara fi rwol differenti.

“Nista’ ngħid li dak li nħoss huwa eżattament l-istess. Il-livelli ta’ adrenalina u attenzjoni żdiedu meta mqabbla mal-ewwel ftit jiem. Irrid nagħti l-kontribut żgħir tiegħi u lkoll nittamaw li nagħmlu affarijiet sbieħ.

“Naħseb li dan it-team huwa probabbilment sottovalutat,” qal l-eks goalkeeper ta’ Parma, Juventus u Paris St-Germain li lagħab 176 darba għall-pajjiżu u fl-2006 rebaħ it-Tazza tat-Dinja fil-Ġermanja.

“Huwa kompetittiv ħafna u l-livell uman ta’ dawn it-tfal huwa impressjonanti. Dan jogħġobni l-aktar: dan is-sens ta’ appar­tenenza u attitudni kbira. Hemm umiltà u xogħol iebes. Barra minn hekk, hemm erba’, ħames jew sitt players mill-aqwa u għalhekk għandna n-nies it-tajbin għal kom­petizzjoni tajba.”

Buffon qal li mhux se jirritorna fi Duisburg, fejn l-Italja kienet ippreparat għat-Tazza tad-Dinja tal-2006, li eventwalment rebħu b’Marcello Lippi fit-tmexxija.

Waqt l-istess konferenza stampa, Buffon faħħar ukoll lil Gigi Donnarumma, Guglielmo Vicario, u Alex Meret, fejn qal li l-Italja tista’ tiddependi fuq ħafna goalkeepers ta’ talent għas-snin li ġejjin.

L-Italja se jagħmlu id-debutt tagħhom fil-Euro 2024 nhar is-Sibt li ġej, 15 ta’ Ġunju, kontra l-Albanija. It-tieni logħba tal-fażi tal-gruppi hija kontra Spanja fl-20 ta’ Ġunju, filwaqt li l-logħba finali hija kontra l-Kroazja nhar it-Tnejn, 24 ta’ Ġunju.

Ekonomija

Sport