Saturday, December 21, 2024

Attivisti favur id-demokrazija f’Hong Kong mitfugħa l-ħabs

Aqra wkoll

Għexieren ta’ attivisti prominenti favur id-demokrazija ntbagħtu l-ħabs fl-akbar proċess tas-sigurtà nazzjonali li qatt sar fit-territorju ta’ Hong Kong. Id-dimostranti li ntbagħtu l-ħabs, magħrufin bħala ‘Hong Kong 47’ ġew arrestati fl-2021 u issa ġew ikkundannati bejn erba’ u 10 snin ħabs.

Il-prosekuzzjoni fil-qorti ġiet ikkritikata b’mod wiesa’ bħala motivata politikament.

Fl-2021, Hong Kong 47 kienu ġew akkużati taħt il-liġi punittiva tas-sigurtà nazzjonali (NSL) b’konfoffa biex iwettqu sovverżjoni fil-primarji ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li saru fl-2020, f’Hong Kong.

Uħud mill-grupp ta’ 47 huma uċuħ l-aktar pubbliċi tar-reżistenza għar-repressjoni mmexxija minn Beijing kontra d-dissens u l-libertà politika f’Hong Kong. Kienu attivisti, leġiżlaturi, kampanjaturi u kunsilliera mill-kamp favur id-demokrazija tax-xena politika preċedentement ta’ Ħong Kong.

Il-konsulat tal-Istati Uniti f’Hong Kong stqarr li l-Istati Uniti tikkundanna bil-qawwa is-sentenzi, u żiedet li l-akkużati ġew “proċessati b’mod aggressiv u mitfugħa l-ħabs talli pparteċipaw b’mod paċifiku f’attività politika normali.

Benny Tai, akkademiku fil-qassam legali u attivist li wieġeb ħati, kien ikkundannat 10 snin ħabs nhar it-Tlieta għar-rwol tiegħu bħala organizzatur tal-primarji. Is-sentenza ta’ Tai hija l-itwal sentenza mogħtija s’issa taħt l-NSL, li għaddiet f’nofs l-2020.

Tai ġie akkużat li huwa l-moħħ wara pjan għall-kamp favur id-demokrazija biex jirbaħ maġġoranza fl-elezzjoni ġenerali u eventwalment iġiegħel ix-xoljiment tal-leġiżlatura u r-riżenja tal-kap eżekuttiv.
It-tliet imħallfin magħżula mill-gvern li ssorveljaw il-każ iddeċidew li dan il-pjan kien ksur tal-mini-kostituzzjoni ta Hong Kong, il-Liġi Bażika, u att ta’ konfoffa biex issir sovverżjoni taħt l-NSL.

Joshua Wong, wieħed mill-uċuħ l-aktar pubbliċi tal-moviment ta’ protesta tal-2019, kien ikkundannat erba’ snin u tmien xhur wara li ngħata tnaqqis ta’ terz talli wieġeb ħati. Il-qorti qalet li kien parteċipant attiv fil-pjan tal-primarji.

Is-sentenza ddeterminat ukoll li hu ma kienx ta’ karattru tajjeb minħabba l-kundanni preċedenti tiegħu. Wong diġà jinsab il-ħabs jiskonta sentenzi għal akkużi oħra relatati mal-protesti.

Attivist ieħor, ta’ nazzjonalita doppja, Awstraljan-Ħong Kong, kien ikkundannat għal aktar minn seba ‘snin. Huwa kien fost 16 mis-47 akkużat li wieġbu mhux ħatja iżda huwa nstab ħati f’Mejju.

Mis-47, 31 wieġbu ħatja, u tnejn ġew illiberati waqt il-proċess. Il-biċċa l-kbira qattgħu aktar minn tliet snin il-ħabs diġà, iżda ħadd ma nħeles nhar it-Tlieta. Dawk li wieġbu mhux ħatja ngħataw sentenzi aktar ħorox.

L-eks ġurnalista ta’ Stand News Gwyneth Ho kienet ikkundannata seba’ snin ħabs. Ho, li kellha l-ħsieb li tikkontesta fl-elezzjonijiet bħala kandidat, wieġbet mhux ħatja.

Kien hemm interess pubbliku qawwi fil-ġuri f’Hong Kong u l-kju għall-membri tal-pubbliku biex jidħlu ġewwa l-qorti tal-maġistrati ta’ West Kowloon li beda fi tmiem il-ġimgħa kien jammonta għal diversi mijiet ta’ nies. Xi wħud li kienu ilhom fil-kju għal ġurnata jew aktar ġew akkużati minn nies fil-qrib li tħallsu biex joqogħdu fil-kju u jieħdu biljett tas-siġġu iżda ma jmorrux il-qorti – prattika li ġiet taħt skrutinju pubbliku dejjem akbar għal każijiet politiċi.

Il-każ huwa l-akbar bin-numru ta’ akkużati minn mindu għaddiet il-liġi tal-NSL. Is-47 ġew arrestati kmieni fl-2021 f’sensiela ta’ rejds fid-djar u uffiċċji li ixxukkjaw il-belt.

Il-gvernijiet tal-Punent, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u l-gruppi legali kkritikaw il-prosekuzzjoni mill-bidu tagħha, u kkaratterizzawha bħala attakk motivat politikament fuq l-oppożizzjoni favur id-demokrazija.

Iċ-Ċina u Hong Kong qalu li l-liġi tas-sigurtà rrestawrat l-ordni wara l-protesti tal-2019 u wissew kontra kull indħil minn pajjiżi oħra.

Ekonomija

Sport