Sunday, May 5, 2024

Attività għall-familja kollha f’San Ġwann

Aqra wkoll

Honey… the Kids, attività oħra organizzata mill-Kunsill Lokali San Ġwann nhar is-Sibt 12 ta’ Novembru fl-Iskola Primarja ta’ San Ġwann. Attività immirata għall-familja kollha bl-iskop li tgħaqqad bosta komunitajiet varji f’ambjent rilassat, innovattiv u b’udjenzi b’etajiet differenti.

Minn din l-attività, li se ssir bejn id-9am u l-5pm, wieħed jista’ jgawdi programm
ikkulurit b’numru ta’ animazzjonijiet u animaturi popolari mat-tfal, xows varji inkluż xow uniku tal-klieb, grazzi għall-K9 Rescue, Quddiesa animata għat-tfal bil-puppets, spettaklu varjat ta’ żfin u kant li jinkludi fost l-aqwa artisti lokali fosthom; Aidan, Ludwig, Fabrizio, Destiny, Joe Mike u Lydon, Avenue Sky, Kristy Spiteri, Janvil, Drakhard, Hayley Azzopardi, Ike u Kaia, Gaia Gambuzzo, rebbieħa tal-Juniour Eurovision fost oħrajn.


Kompetizzjonijiet u premijiet ma jonqsux ukoll, filwaqt li dan kollu se jkun offrut
b’xejn, għaliex l-entratura se tkun bla ħlas. Din l-attività kienet possibli grazzi għall-għajnuna finanzjarja mogħtija mid-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, b’kollaborazzjoni mas- Segretarjat għall-Gvern Lokali.

Is-Sindku Trevor Fenech stqarr li l-lokal ta’ San Ġwann illum sar sinonimu ma numru ta’ attivitajiet immirati għall-familja kollha u dan qed ikabbar mhux bi ftit l-għaqda u s-sens komunitarju fil-lokal, filwaqt li jattira anki interess minn barra San Ġwann.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li attivitajiet bħal dawn jgħaqqdu l-komunità, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-ħidma ta’ Kunsill Lokali. “Inħeġġeġ lill-komunità ta’ San Gwann biex tipparteċipa f’din l-attività u tkompli tieħu interess fil-lokal billi tinvolvi ruħa fil-ħidma li qed issir mill-Kunsill”, qal il-Ministru Grima.

Is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Alison Zerafa Civelli faħħret l-inizjattiva tal-
Kunsill Lokali San Ġwann u ħeġġet aktar kunsilli biex jagħmlu użu min numru ta’
skemi li d-Diviżjoni qed joħroġ regolarment fuq bosta binarji bil-għan li jikkonsolida l-ħidma tal-kunsilli fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.

Sport