Monday, December 23, 2024

Australian Open: Djokovic u Sinner ma jfallux

Aqra wkoll

Iċ-champion renjanti tal-Australian Open, Novak Djokovic, rebaħ l-itwal partita tiegħu ta’ Grand Slam tal-ewwel round wara li ġie ttestjat mill-player li kkwalifika, Dino Prizmic.

Is-Serb, li qed isegwi rekord tal-11-il titlu tal-irġiel, kellu bżonn erba’ sigħat u minuta biex għeleb lill-Kroat ta’ 18-il sena, 6-2 6-7 (5-7) 6-3 6-4.

Prizmic, li lagħab fl-ewwel partita tiegħu ta’ Grand Slam, salva sitt match points qabel ma Djokovic kiseb ir-rebħa.

Il-player ta’ 36 sena, li qed jimmira għal 25 titlu rekord ta’ Grand Slam singles, se jiffaċċja lil Alexei Popyrin jew lil Marc Polmans fit-tieni round.

F’rallies li kienu eku ta’ dawk tal-logħbiet bejn Djokovic u n-numru 2 tad-dinja, Carlos Alcaraz, in-numru 178, Prizmic, sprintja u ġera mal-court kollu biex eċċita lill-folla tas-ses­sjonijiet ta’ bil-lejl ta’ Melbourne.

Il-partita qabżet l-itwal ta’ qabel ta’ Djokovic fl-ewwel round tal-maġġuri, li kienet konfront ta’ tliet sigħat u 57 minuta kontra Gael Monfils fil-US Open fl-2005.

It-Taljan Jannik Sinner għadda b’rebħa komda b’sets dritti kontra l-Olandiż, Botic van de Zandschulp, 6-4 7-5 6-3, u b’hekk kompla fuq il-forma xintillanti tal-aħħar tal-istaġun 2023 fejn kien għalaq b’żewġ rebħiet kontra Djokovic.

Finalment l-Awstralja kellhom xi ftit pjaċir fl-ewwel ġurnata meta Christopher O’Connell rebaħ logħba epika ta’ ħames sets kontra ċ-Ċilen, Cristian Garin, meta għelbu 3-6 7-5 4-6 6-1 7-5.

Il-ħames seed, Andrey Rublev, baqa’ ħaj minn rimonta min-numru 78 fid-dinja, Thiago Seyboth Wild, biex rebaħ logħba eċċitanti ta’ ħames sets, 7-5 6-4 3-6 4-6 7-6 (10-6), filwaqt li l-finalista tal-2018, il-Kroat Marin Cilic, tilef 6-1 2-6 6-2 7-5 kontra l-Ungeriż, Fabian Marozsan.

L-eks semi-finalista, it-Taljan Matteo Berrettini rtira qabel il-partita tiegħu tal-ewwel round kontra Stefanos Tsitsipas minħabba injury f’siequ, li jfisser li s-seba’ seed Grieg minflok se jilgħab mal-Belġjan, Zizou Bergs.

Din is-sena l-Australian Open ġie estiż għal 15-il jum f’tentattiv mill-organizzaturi biex jevitaw tmiem tard – b’dan il-bidu tiegħu jkun l-ewwel darba li sar il-Ħadd.

Fil-kategorija tan-nisa, Ayrna Sabalenka, kellha bidu perfett fid-difiża tat-titlu meta għelbet lill-kwalifikatur Ġermaniża ta’ 18-il sena, Ella Seidel, 6-0 6-1, fi 53 minuti bla ħniena waqt li l-wild card, Caroline Woniacki, avvanzat meta l-Pollakka Magda Linette rtirat imweġġa’ bl-iskor 6-2 2-0 favur id-Daniża.

Il-Griega Maria Sakkari għelbet lil Nao Hibino tal-Ġappun 6-4 6-1, Leylah Fernandez (Kanada) lil Sara Bejlek (Rep. Ċeka) 7-6 (7-5) 6-2, Barbora Krejcikova (Rep. Ċeka) lil Mai Hontama (Ġappun) 2-6 6-4 6-3, Tamara Karpatsch (Ġermanja) lil Jodie Burrage (Britannja) 2-6 6-3 6-0.

Ekonomija

Sport