Wednesday, July 24, 2024

FA Trophy: Goleada minn Valletta fuq Għajnsielem

Aqra wkoll

Valletta ………….7

Għajnsielem …..1

Valletta kkwalifikaw mal-Aħħar 16 meta rreġistraw rebħa kbira ta’ 7-1 fuq it-team mill-Ewwel Diviżjoni Għawd­xija, Għajnsielem.

Il-Beltin mill-ewwel għamlu l-intenzzjonijiet tagħhom u proprju fit-12-il minuta ġew imċaħħda milli jiftħu l-iskor meta d-daqqa ta’ ras ta’ Federico Falcone ħabtet mal-mimduda u mir-rebound, Jhonnatann Benites kellu t-tentattiv tiegħu minn semi-rovexxjata jintemm ftit barra.

Peró din l-azzjoni kienet il-preludju għall-ewwel goal meta fid-19-il minuta BRANDON PAIBER venven xutt fil-baxx mid-distanza li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper, Owen Buttigieg, isalva.

Fil-41 minuta, il-Beltin irduppjaw meta wara li rċieva  minn cross preċiż mix-xellug ta’ Cardoso, FEDERICO FALCONE mill-viċin xeħet fix-xibka.

Fis-47 minuta, għamluhom tlieta permezz tal-istess FEDERICO FALCONE li minn pożizzjoni ideali ma żbaljax.

Min-naħa tagħhom, Għajnsielem għamlu reazzjoni u rnexxielhom inaqqsu d-distakk meta Claudio Barbosa għadda tajjeb lejn GODWIN EMMANUEL li permezz ta’ xutt minn ġol-kaxxa tefa’ wara Yenz Cini.

Madankollu, kienu Valletta li reġgħu sabu x-xibka fl-54 minuta permezz ta’ FEDERICO FALCONE biex irreġistra hat-trick personali.

Fl-64 minuta, il-Lilywhites resqu viċin li jagħmluhom ħamsa meta Jhonnatann Benites da Conceicao xeħet cross fil-baxx li sab lil Diego Cardoso Nogueira li falla l-mira bi ftit.

Peró, dan il-goal wasal fis-76 minuta permezz ta’ xutt mill-isbaħ minn distanza ta’ madwar 30 metru tas-sostitut żagħżugħ ZAK BARBARA li ħasad għal kollox lill-goalkeeper Għawdxi.

Eventwalment, dan il-konfront sar passiġġata għall-Beltin hekk kif, fit-80 minuta, huma skorjaw is-sitt goal hekk kif il-player żagħżugħ, KLOSE AZZOPARDI CONTI, niżżel ismu fost l-iskorers mill-viċin.

Tliet minuti wara, l-istess KLOSE AZZOPARDI CONTI għalaq din il-goleada Beltija b’xutt mill-viċin biex irreġistra doppjetta personali liema bravura se jibqa’ jiftakar fil-karriera tiegħu.

VALLETTA: 1-Yenz Cini, 3-Juan Ramires Bolanos, 6-Enzo Ruiz, 8-Omar Fernando Barrientos (9-Adrian Santiago Ferraris 58), 10-Shaun Dimech (17-Zak Barbara 72), 20-Fede­rico Falcone (13-Jake Azzopardi 59), 22-Brandon Paiber, 30-Victor Luiz Prestes Filho, 44-Federico Vega (18-Sheldon Mackay 46), 77-Jhonnattann Benites Da Conceicao, 93-Diego Nogueira Cardoso (21-Klose Azzopardi Conti 72)   – Coach: Vincenzo Potenza

GĦAJNSIELEM: 30-Luke Buttigieg, 3-Tomas Sciberras, 4-Alberto Xuereb, 8-Bruno Da Cruz, 10-Ibrahim Naim Belhadj, 13-Antonio Xuereb, 14-Godwin Emmanuel, 18-Wayne Hili, 22-Mark Anthony Scicluna (20-Emil Grozdanov 72), 77-Claudio Henrqiue Da Silva Barbosa, 97-Damon Hili – Coach: Matthew Portelli

REFEREE: Ishmael Barbara

ASS. REFEREES: James Muscat, Mark Ciantar

RABA’ UFF: Philip Farrugia

SKORERS: B. Paiber 19, F. Falcone 41, 47, 54, Z. Barbara 76, K. Azzopardi Conti 80, 83 (V), G. Emmanuel 49 (GĦ)

AMMONITI: F. O. Barrientos (V)

Ekonomija

Sport