Friday, December 13, 2024

Australian Open: Medvedev jibbrilla … iżda l-Britanniċi Murray u Raducanu eliminati

Aqra wkoll

Il-player numru 3 tad-dinja, Daniil Medvedev, u s-seed numru 4, Stefanos Tsitsipas, it-tnejn komplew javvanzaw għat-tielet round tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne Park. Iżda ż-żewġ Britanniċi, Andy Murray u Emma Ra­du­canu sfaw eliminati.

Ir-Russu Medvedev, l-ogħla player issidjat fil-polza, għeleb lill- Awstraljan Nick Kyrgios, 7-6 (7-1) 6-4 4-6 6-2.

Iċ-champion tal-US Open, Medvedev, kellu jħabbat wiċċu ma’ folla ostili favur il-player lokali fir-Rod Laver Arena.

“Ġejt biex nirbaħ din il-partita u ninsab kuntent li rnexxieli nagħmel dan,” qal Medvedev, li tilef fil-finali tas-sena l-oħra kontra Novak Djokovic. “Din hi l-unika għażla meta tkun ibbuwjat bejn l-ewwel u t-tieni service.

“Il-logħba hija lesta biex tirbaħ, iżda mbagħad għandek avversarju diffiċli bħal Nick. Irrid biss nilgħab l-aħjar tiegħi u nittama li dan ikun biżżejjed biex nagħmel xi ħaġa kbi­ra.”

Il-Grieg ta’ 23 sena, Tsitsipas, qabel kien għeleb lill-Arġentin, Sebastian Baez, 7-6 (7-1) 6-7 (5-7) 6-3 6-4 fi tliet sigħat u 22 minuta fil- Margaret Court Arena.

Issa Tsitsipas se jiffaċċja lill-Franċiż, Benoit Paire, li għeleb lill- Bulgaru Grigor Dimitrov 6-4 6-4 6-7 (4-7) 7-6 (7-2).

Sadanittant, is-seed numru 5, Andrey Rublev, għad irid iwaqqa’ set f’Melbourne wara li warrab lil Ricardas Berankis tal-Litwanja, 6-4 6-2 6-0.

L-avversarju li jmiss għar-Russu ta’ 24 sena se jkun il-Kroat, Marin Cilic, wara li l-eks champion tal-US Open għeleb lill-player li kkwalifika, Norbert Gombos bl-iskor ta’ 6-2 6-3 3-6 7-6 (8-6).

Il-promettenti Awstraljan, Alex de Minaur, ta’ 22 sena, għamilha quddiem il-folla tar-Rod Laver Arena b’rebħa komda ta’ 6-4 6-4 6-4 fuq il-Polakk, Kamil Majchrzak.

Taylor Fritz rebaħ il-konfront kollu Amerikan kontra Frances Tiafoe 6-4 6-3 7-6 (7-5) biex waqqaf laqgħa mas-seed numru 16, l-Ispanjol Roberto Bautista Agut, li għeleb lill-Ġermaniż Philipp Kohlschrei-ber 6-1 6-0 6-3.

Dan Evans huwa l-aħħar Britanniku li fadal fil-kategorija tal-irġiel wara li l-eks numru wieħed tad- dinja, Andy Murray, ġie megħ­lub mill-Ġappunż, Taro Daniel.

Evans kellu fortuna ‘tajba’ biex għadda għall-aħħar 32 meta l-avversarju tiegħu, l-Olandiż, Arhur Rinderknech kellu jirtira meta tah walk-over ftit qabel ma kellha tibda l-logħba waqt li Murray tilef 6-4 6-4 6-4 kontra player li kkwalifika u jinsab 120 post warajh.

L-avversarju li jmiss għal Evans, li jiltaqa’ miegħu għada, huwa l-Kanadiż, Felix Auger Aliassime, li min-naħa tiegħu kien involut f’logħba nkredibbli ta’ erba’ sets li kollha spiċċaw b’tiebreak, 7-6 (7-4) 6-7 (4-7) 7-6 (7-5) 7-6 (7-4).

SABALENKA TGĦADDI,

IŻDA MUGURUZA TITLEF

Il-player numru 2 fil-kategorija tan-nisa, Aryna Sabalenka, għad­diet għat-tielet round iżda s-seed numru 3, Garbine Muguruza, sof­riet eliminazzjoni kmieni.

Il-Belarussa Sabalenka, 23 sena, kellha tirkupra darbtejn wara li kienet minn taħt wara l-ewwel set, iżda spiċċat rebbieħa meta rebħet liċ-Ċiniża, Xinyu Wang, 1-6 6-4 6-2.

Min-naħa tagħha, l-Ispanjola Muguruza, rebbieħa darbtejn tal-Grand Slam, sofriet telfa dritta ta’ żewġ sets, kontra l-Franċiża Alize Cornet, 6-3 6-3.

Il-Pollakka seed numru 7, Iga Swiatek, għaddiet ukoll meta għelbet lill-Isvediża Rebecca Peterson 6-2 6-2 waqt li Anett Kontaveit tal-Estonja sfat eliminata minn Clara Tauson tad-Danimarka, 6-2 6-4.

Iċ-champion tal-US Open f’Settembru li għadda, Emma Raducanu kienet imwissija mit-team tagħha biex ma tilgħabx fit-tieni round minħabba nuffata fl-idejn tar- rakketta li fixklet lill-Britannika fit-telfa kontra Danka Kovinic.

Fil-bidu hija llidjat 3-0 qabel ma sejħet għal kura medika u kom­pliet biex tilfet l-ewwel set. U għalkemm rebħet it-tieni wieħed hija ġiet megħluba 6-4 4-6 6-3 mill-player minn Montenegro.

Riżultati  oħra tat-II Round:

IRĠIEL – Alex de Minaur (Awstralja) v Kamil Majchrzak (Polon ja) 6-4 6-3 6-0; Jannik Sinner (Italja) v Steve Johnson (US) 6-2 6-4 6-3; Christopher O’Connell (US) v Diego Schwartzmann (Arġentina) 7-6 (8-6) 6-4 6-4;  Roberto Bautista Agut (Spanja) v Phillipp Kohl­schreiber (Ġermanja) 6-1 6-0 6-3; Marin Cilic (Kroazja) v Norbert Gombos (Slovakkja) 6-2 6-3 3-6 7-6 (8-6); Botic van de Zandschulp (Olanda) v Richard Gasquet (Franza) 4-6 6-0 4-0 irtira; Maxime Cressy (US) v Tomas Machac (Rep. Ċeka) 6-1 6-1 7-6 (7-5); Pablo Andular (Spanja) v Alex Molcan (Slovakkja) 6-4 7-6 (8-6) 0-6 6-1; Taylor Fritz (US) v Frances Tiafoe (US) 6-4 6-3 7-6 (7-5); Felix Auger Aliassime (Kanada) v Alejandro Davidovich (Spanja) 7-6 (7-4) 6-7 (4-7) 7-6 (7-5) 7-6 (74).

NISA – Simona Halep (Rumanija) v Beatriz Maia (Brażil) 6-2 6-2; Maddison Inglis (Awstralja) v Halley Baptiste (US) 7-6 (7-4) 2-6 6-2; Daria Kasatkina (Russja) v Magda Linette (Polonja); Danielle Collins (US) v Ana Konjuh (Kroazja) 6-4 6-3; Kirstea (Rumanija) v Kristina Kucova (Rep. Ċeka) 6-2 6-4; Tamara Zidansek (Slovenja) v Heather Watson (Britannja) 7-6 (7-4) 6-4; Kaia Kapeni (Estonja) v Marie Bouzkova (Rep. Ċeka) 6-2 7-6 (7-3); Marketa Vondrousova (Rep. Ċeka) v Lludmila Samsonova (Rus-sja) 6-2 7-5; Shuai Zhang (Ċina) v Elena Rybakina (Kazahstan) 6-4 1-0 irtirat; Anastasia Pavlyuchenkova (Russja) v Sam Stosur (Awstralja) 6-2 6-2.

Ekonomija

Sport