Saturday, December 21, 2024

Avukat iżomm lill-unions tal-għalliema responsabbli għad-dewmien fil-ftuħ tal-iskejjel

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Avukat Andre Borg talab liż-żewġ unions tal-għalliema biex ma jkunux militanti fl-azzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ tal-iskejjel.

Huwa għamel dan permezz ta’ protest ġudizzjarju li ippreżenta fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Malta Union of Teachers (MUT) u l-Union of Professional Educators (UPE).

Dr Borg qal li huwa kien qed jaġixxi kemm f’ismu bħala ġenitur kif ukoll f’isem numru kbir ta’ ġenituri, edukaturi, persuni li jaħdmu u familjari tagħhom li huma mħassbin bl-azzjonijiet taż-żewġ unions.

Huwa sostna li bejn iż-żewġ unions hemm rivalità u pressjoni biex l-edukaturi jissieħbu ma’ waħda u mhux mal-oħra u nsista li qed tkun din ir-rivalità li qed twassalhom jirrikorru għal azzjonijiet industrijali u direttivi fil-konfront tal-Gvern u l-istituzzjonijiet edukattivi għall-finijiet “egoċentriċi” tagħhom.

Waqt li għamilha ċara li jemmen fil-libertajiet fundamentali bħal-libertà ta’ għaqda u ta’ assoċjazzjoni huwa saħaq li jemmen ukoll li l-ġenituri, studenti, edukaturi u persuni oħra għandhom kull dritt jiddubitaw l-intenzjonijiet tal-tagħhom.

Dr Borg iddeskriva t-tattiċi trejdunjonistiċi riċenti tal-MUT u l-UPE u t-tilwim industrijali li jheddu bih bħala li jħallu ħafna dubji dwar l-intenzjonijiet veri tagħhom.

Huwa qed jinsisti li ż-żewġ unions jirrealizzaw li l-azzjonijiet tagħhom qegħdin jattiraw l-istmerrija lejn il-professjonijiet edukattivi u saħaq li dan mhux ġust mal-eluf ta’ edukaturi ġenwini li jaħdmu f’din il-professjoni b’tant dedikazzjoni u vokazzjoni.

L-Avukat Borg żied li r-reazjoni negattivi tal-pubbliku għat-tilwim industrijali taż-żewġ unions huwa evidenti minn kummenti pubbliċi u stqarrijiet ta’ korpi kostitwiti li esrpimew id-diżappunt li l-azzjonijiet qabel tiftaħ is-sena skolastika ħolqu tfixkil u diżordni fost il-ġenituri li jaħdmu u l-postijiet tax-xogħol.

Waqt li innota kif il-maġġoranza kbira tal-iskejjel fil-pajjiż huma lesti sabiex jilqgħu l-istudenti u ħadu l-miżuri neċessarji biex joffru ambjent sikur u nadif, Dr Borg sostna li għalhekk l-azzjonijiet li ħadu ż-żewġ unions kienu sproporzjonati.

Huwa ikkritikahom ukoll talli m’għandhomx pożizzjoni ċara dwar il-lezzjonijiet online u jekk l-għalliema għandhomx jagħtu lezzjonijiet live jew rekordjati waqt li nsista li t-tagħlim online mhux ta’ benefiċċju daqs dak fil-klassi.

Dr Borg ilmenta wkoll li huwa diffiċli ferm għall-ġenituri li jaħdmu u jibqgħu d-dar ma’ uliedhom biex isegwu skedi sħaħ ta’ madwar sitt siegħat lezzjonijiet online kull jum eskluż il-ħin tal-HW u l-qari.

Kien għalhekk li waqt li saħaq li d-dewmien fil-ftuħ tal-iskejjel wara pressjoni li saret mill-MUT u l-UPE wasslet sabiex eluf ta’ ġenituri, inkluż hu, ikollhom iħarbtu l-impenji tagħhom u dan iwassal għal telf finanzjarju huwa talab liż-żewġ unions jerfgħu r-responsabbilta tal-azzjonijiet tagħhom u jaġixxu b’maturità.

Ekonomija

Sport