Friday, December 13, 2024

“Avviż Legali li se jgħin biex jinqatgħu l-abbużi fil-Belt u jkollna prodott turistiku aħjar”

Il-Ministru Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Nemmen li dan l-Avviż Legali se jkun verament opportunità biex aħna naqtgħu l-abbużi fil-Belt Valletta u jkollna prodott turistiku aħjar għaliex dak hu li rridu nagħmlu. Id-deċiżjonijiet iridu jkomplu jittieħdu.”

Iddikjara dan il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo waqt id-diskussjoni parlamentari dwar il-mozzjoni li ressqet l-Oppożizzjoni biex ikunu rekovati l-Avviżi Legali 161 u 163 tal-2022, li jemendaw ir-regolamenti dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tan-negozji. L-Avviżi Legali jippermettu lill-istabbilimenti madwar il-Belt Valletta jdoqqu l-mużika sas-1.00 a.m.

Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Bartolo għamilha ċara li mhux se jkun ittollerat li l-Belt Valletta ssir Paceville oħra. Qal li dik mhix l-intenzjoni ta’ dan il-Gvern la llum u lanqas għas-snin li ġejjin.

“Hemm sigriet wieħed li rridu naħdmu fuqu biex l-Avviż Legali jkun suċċess – l-infurzar. Qed ngħidu li mużika normali sal-11.00 p.m., bejn il-11.00 p.m. u s-1.00 a.m. tindaqq mużika b’mod moderat u wara s-1.00 a.m. trid tieqaf il-mużika fuq barra,” spjega l-Ministru Bartolo. 

Huwa kompla jisħaq li l-azjendi kummerċjali u l-istabbilimenti tal-Belt għandhom ikunu responsabbli u rispettabbli lejn ir-residenti tal-madwar. “Ġieli kellna sitwazzjoni fejn ikun hemm min jgħidlek li l-mużika baqgħet tindaqq sal-4.00 a.m.. Le dak mhux aċċettabbli. Aħna qegħdin ngħidu sas-siegħa.”

Il-Ministru Bartolo temm jgħid li l-Belt Valletta kapaċi tkompli taħdem biex tilħaq il-potenzjal tagħha nfisha bħala ‘brand’ li nwassluha f’sitwazzjoni li tiġbed lejha turistiċi daqskemm kapaċi tiġbed Malta bħala destinazjoni.

Ekonomija

Sport