Monday, April 22, 2024

KEMM TIFLAĦ NIES MALTA?

Aqra wkoll

Fl-aħħar 18-il sena, l-aktar fl-aħħar disa’ snin żdiedu l-barranin li ġew jaħdmu Malta. Kull sena qed jinħolqu 12,000 impjieg li minnhom il-Maltin jimlew 4,000 biss għax għandna rata baxxa tat-twelid. L-impjiegi li ma jieħdux il-Maltin jiġu jimlewhom il-barranin. Il-popolazzjoni tagħna qed tiżdied b’dawk li jiġu jaħdmu fostna mhux bit-twelid. 50 sena ilu kienu jitwieldu fostna 10,000 fis-sena. Issa jitwieldu 4,000 fis-sena. B’516,000 jgħixu f’dawn il-gżejjer inħossuna fgati.  Fgati bil-bini. Fgati bil-karozzi. 

Fis-snin li ġejjin mistennija nkomplu niżdiedu b’eluf u eluf oħra u nilħqu 668,000. Nistgħu nibqgħu sejrin hekk: iżjed bini, iżjed karozzi, bżonn ta’ iżjed skejjel, aktar pressjoni fuq is-servizz tal-isptar, bżonn ta’ iżjed servizzi tal-ilma, dawl u drenaġġ? Inkunu rresponsabbli jekk ma nwieġbux dawn il-mistoqsijiet u nħallu dawn il-problemi għal ta’ warajna. 

Ta’ warajna diġa’ twieldu. Mhux ġust inħallulhom dawn il-problemi.  Jekk tassew inħobbu lil uliedna u wlied uliedna nħallulhom pajjiż aħjar, mhux pajjiż agħar. 

Nilqgħuhom il-barranin fostna?

Fi tmiem is-sena li għaddiet kellna jaħdmu fostna 77,825 barranin ġejjin minn madwar 151 pajjiż differenti minn kull kontinent fid-dinja. 44 fil-mija kienu ġejjin mill-Unjoni Ewropea u 56 fil-mija mill-bqija tad-dinja. 67 fil-mija kienu ġejjin mill-Ewropa (inkluż l-Italja, ir-Renju Unit, ir-Russja, l-Ukrajina, is-Serbja …). 25 fil-mija kienu ġejjin mill-Asja (bħal Filippini, l-Indjani u ċ-Ċiniżi).

6 fil-mija kienu ġejjin mill-Afrika (bhall-Eritrea u s-Somalja) 2 fil-mija mill-kontinent Amerikan. Dawn għandhom il-kulturi, reliġjonijiet, ilsna u drawwiet tagħhom. Stħarriġ li sar f’April li għadda fost il-Maltin u l-Għawdxin juri li l-Maltin saru jaċċettaw iżjed it-taħlit tal-kulturi fis-soċjeta` tagħna.

L-anqas li jħossuhom komdi bil-barranin fostna huma l-Għawdxin. L-aktar li jħossuhom komdi bit-taħlit tal-popli u kulturi differenti huma dawk bejn 16 u 25, l-istudenti u li għandhom l-ogħla livell ta’ l-edukazzjoni. Tajjeb li nieħdu iżjed passi biex insibu modi kif ngħixu aħjar flimkien u naċċettaw id-diversita` ta’ kulturi, razez, reliġjonijiet u drawwiet li jġibu magħhom dawk li jiġu minn pajjiżi oħra waqt li kulħadd għandu jħares il-liġijiet tagħna u jirrispettana kif aħna għandna nirrispettaw lil dawk li ġew fostna.

Mhux aktar fil-lista l-griża

F’nofs Ġunju Malta tneħħiet mil-lista griża fejn tpoġġiet sena ilu mill-Financial Action Task Force (FATF) biex tieħu l-passi meħtieġa kontra l-kriminalita’ ekonomika, fosthom tal-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni.  Dan hu pass tajjeb u ta’ ġid għalina.  Imma issa ma rridux nillaxkaw u rridu nagħmlu kull m’hemm bżonn biex pajjiżna ma jintużax mill-kriminali ekonomiċi, la lokali u lanqas barranin. 

Imma rridu wkoll naraw li l-banek u r-regolaturi tagħna ma joħonqux il-ħidma ekonomika f’pajjiżna.  Minn estrem ta’ laxkezza snin ilu morna għall-estrem l-ieħor ta’ issikkar esaġerat li joħnoq l-ekonomija. Ma naffordjawx estremi. Għall-ġid tagħna li ħadna l-passi meħtieġa biex ninqalgħu minn din il-lista. Ċert li kieku l-pajjiżi l-kbar stess li tefgħuna f’din il-lista juru l-istess serjeta` li jippretendu minn ħaddiehor, anki huma jkunu fil-lista l-griża. Imma m’għandniex nużaw in-nuqqasijiet ta’ ħaddiehor biex nonqsu aħna wkoll. Jekk inħobbu lill-poplu tagħna u lil pajjiżna għandna naraw li dak li nagħmlu jkun ta’ unur għal pajjiżna. Meta nħammġu isem pajjiżna bl-imġieba tagħna huwa aħna li nagħmlulu ħsara u mhux dawk li jikkritikaw u jsemmu n-nuqqasijiet tagħna.

Sport