Wednesday, December 25, 2024

Awtorità li se twettaq bidliet progessivi lejn kwalità ta’ ħajja aħjar

Il-PM Robert Abela fid-diskussjoni dwar Abbozz ta' Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima

Aqra wkoll

Irridu nwettqu bidliet bl-aktar mod ġust biex nibqgħu nipprogressaw flimkien għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Kien dan il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn diskors li għamel il-Prim Ministru Robert Abela fil-Parlament waqt id-diskussjoni tal-Abbozz ta’ Liġi fuq Azzjoni dwar il-Klima. Abbozz li qed jara t-twaqqif ta’ Awtorità għat-Tibdil fil-Klima, li l-Prim Ministru fl-indirizz li għamel fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż fissirha bħala sinjal b’saħħtu ta’ Gvern magħqud u sħiħ għal azzjoni fuq il-bidla fil-klima u saħaq li din l-Awtorità se jkollha ħidma komprensiva, b’viżjoni ħolistika u bi djalogu soċjali li jinvolvi lil kulħadd biex isseħħ il-bidla.

“Ilkoll irridu nemmnu fil-bidliet li hemm bżonn u nwettquhom. Jekk nintilfu fil-partiġjaniżmu nkunu qed nonqsu lill-ġenerazzjonijiet futuri għaliex ma niħdux fil-ħin dawk id-deċiżjonijiet meħtieġa”, qal il-Prim Ministru Robert Abela hu u jsostni li jekk ma nbiddlux, ibati kulħadd. Innota kif il-bidla fil-klima hija realtà u pajjiżna, anki jekk ċkejken irid ikun pro-attiv u l-politika ambjentali tagħna trid tkun mibnija fuq il-prevenzjoni.

Dr Abela rrimarka kif it-twaqqif tal-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima tibni fuq bidliet kbar oħra li qed jitwettqu fosthom; it-trasformazzjoni favur użu ta’ enerġija aktar nadifa, azzjonijiet li jnaqqsu l-impatt tat-turiżmu u l-ġarr tal-merkanzija bħall-proġett tax-shore-to-ship, il-proġetti tar-riċiklaġġ u biex mill-iskart noħorġu b’riżorsa u sors ta’ enerġija, id-direzzjoni favur investiment iktar aħdar bil-ħruġ tal-green bonds u l-implimentazzjoni tal-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa. 

Il-Prim Ministru fisser il-qalba ambjentali bħala l-akbar opportunità ekonomika tal-ġenerazzjoni tagħna. Qal li fuq kollox din il-qalba trid iżżomm fiċ-ċentru tagħha lill-familji. “Il-Gvern qatt mhu se jitfa’ l-piż tal-bidliet fuq in-nies. Mhux ma niħdux deċiżjonijiet ibsin, dawk neħduhom kemm hemm bżonn iżda d-deċiżjonijiet ma jsirux eħfef billi l-piż jerfgħuh in-nies”, qal b’mod ċar il-Prim Ministru Robert Abela, li saħaq li dan il-messaġġ jgħaddih ukoll b’saħħa fil-fora Ewropea. Dan sostnieh f’kuntest li poġġa l-argument li ma nistgħux noħolqu sigurtà ambjentali jekk f’ħajjet in-nies ma nagħtux is-sigurtà ekonomika. Il-Prim Ministru wissa wkoll kontra l-populiżmu, li fisser kif rah mill-Oppożizzjoni f’riformi li daħħal il-Gvern, bħal meta l-pajjiż ġie biex neħħa l-bejgħ ta’ prodotti magħmlula mis-single-use plastic. Sostna li l-populiżmu ma jtikx is-soluzzjonijiet.

Il-Prim Ministru appella għal sforz kollettiv u bidliet fil-mentalità għaliex tabilħaq jemmen li l-bidliet meħuda b’deċiżjonijiet tajbin jistgħu jġibu ħolqien ta’ xogħol ġdid, effiċjenzi fir-riżorsi u aċċess għal swieq ġodda fost oħrajn. Dan sabiex inkomplu nassiguraw tkabbir ekonomiku u sostenn soċjali quddiem sfidi klimatiċi. Qal li fuq quddiem ta’ din il-bidla jrid ikun hemm it-tfal u żgħażagħ li għandu jkollhom sehem fid-deċiżjonijiet u huwa għalhekk li l-Gvern qed ikollu laqgħat magħhom fosthom fil-Youth Advisory Forum.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li Malta hi pajjiż li ma tibżax mill-bidla għax din kapaċi ndawruha f’opportunità ta’ suċċess. Saħaq li l-liġi mressqa mhiex sempliċiment kitba fuq karta iżda impenn ta’ Gvern favur bidla soċjali u ekonomika li twassal għal prosperità ġdida.

Ekonomija

Sport