Tuesday, April 22, 2025

‘Back to the 90s’ jagħżel lil Malta għal produzzjoni li qed tara 105 crew Malti fiha

Aqra wkoll

Malta tkompli tafferma r-reputazzjoni tagħha bħala destinazzjoni kompetittiva fl-industrija tal-films, wara li l-produzzjoni Ġermaniża ‘Back to the 90s’ għażlet lil Malta biex tiffilmja.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici, akkumpanjat mill-Kummissarju Malti tal-Films, Johann Grech, żar il-Junior College fl-Imsida.

Din il-produzzjoni qed tara fiha 129 crew, bil-maġġoranza tagħhom huma Maltin. Il-105 crew Malti u Għawdxi f’din il-produzzjoni kienu parti mis-sitt produzzjonijiet li bħalissa għaddejjin fil-pajjiż. B’hekk in-numru tal-crew Malti u Għawdxi li jaħdmu fil-films ikompli jikber.

Il-feature film ta’ 100 minuta huwa eżempju ċar ieħor tal-investiment internazzjonali li qed jiġbed il-programm attraenti tal-cash rebate. Il-produzzjoni ta’ dan il-film, li se ddum aktar minn xahar, se tkun qed issir f’diversi lokalitajiet inkluż il-Mellieħa, il-Belt Valletta u San Ġiljan.

Apparti l-kontribut li dan il-film qed iħalli fl-ekonomija u l-industrija tal-films f’Malta, il-produzzjoni ħadet ukoll passi sabiex tħalli impatt fuq l-ambjent. Fil-fatt, qabel ma beda x-xogħol fuq il-film, it-tim tal-produzzjoni impenja ruħu li jisponsorja siġar permezz tal-kampanja Tree for U minn Ambjent Malta. Dan l-isforz fil-bidu taʼ April ra t-tħawwil b’suċċess taʼ 25 siġra indiġena tal-ħarrub, taż-żebbuġ, u tar-rummien fl-inħawi tal-Manikata.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport