L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) fl-ewwel razzjoni tagħha palet li l-Baġit għas-sena 2027 jagħti prijorità lill-istabbiltà fuq medda qasira ta’ żmien aktar milli lit-tkabbir futur immexxi mill-produttività. “It-tkabbir ekonomiku mgħaġġel ta’ Malta ġġenera l-impjiegi, żied id-dħul u appoġġa l-finanzi pubbliċi. Madankollu, il-pressjonijiet fuq l-infrastruttura, is-suq tax-xogħol, l-ambjent u l-għoli tal-ħajja jenfasizzaw il-ħtieġa li nerġgħu nikkunsidraw mhux biss kemm tikber malajr l-ekonomija, iżda wkoll it-tip ta’ tkabbir li Malta għandha ssegwi.
L-assoċjazzjoni kienet qed tistenna li l-Baġit 2027 jippreżenta pjan b’direzzjoni aktar ċara għat-trasformazzjoni ekonomika, b’miżuri konkreti li jinkoraġġixxu l-produttività, l-innovazzjoni, l-investiment fit-teknoloġija, l-iżvilupp tal-ħiliet u attivitajiet ekonomiċi b’valur miżjud ogħla. Filwaqt li l-Baġit jindirizza għadd ta’ ħtiġijiet immedjati, ma jipprovdix biżżejjed dettalji dwar kif Malta se timxi lejn mudell ekonomiku aktar sostenibbli u produttiv, tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni u attivitajiet li jiddependu ħafna fuq il-ħaddiema, u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tagħha.”
Qalet ukoll li l-assoċjazzjoni hi tal-fehma li d-diskors tal-Baġit kellu l-għan li jżomm l-istabbiltà fuq medda qasira ta’ żmien fil-prezzijiet, fid-dħul, fil-konsum u fit-tkabbir ekonomiku. Madankollu, l-Assoċjazzjoni osservat li ngħatat inqas attenzjoni lill-prijoritajiet fit-tul li huma essenzjali biex tinżamm it-trasformazzjoni ekonomika tal-pajjiż. B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata aktar importanza lill-investiment fl-edukazzjoni u fit-taħriġ mill-ġdid, fit-teknoloġija diġitali u fl-awtomazzjoni, kif ukoll fl-infrastruttura, sabiex tiġi appoġġata ekonomija aktar produttiva, innovattiva u sostenibbli.
L-Assoċjazzjoni iddikjarat li qiegħda tilqa’ miżuri li jappoġġaw lill-familji, inkluż it-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri, u tirrikonoxxi l-benefiċċji fuq medda qasira ta’ żmien tas-sussidji fuq l-enerġija biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet internazzjonali. Qalet iżda li madankollu, dawn il-miżuri jridu jkunu parti minn strateġija usa’ li tindirizza l-isfidi demografiċi, issaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija u tiżgura li n-nefqa pubblika toħloq valur ekonomiku u soċjali dejjiemi.
L-Assoċjazzjoni laqgħt b’mod pożittiv it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b’fatturat ta’ inqas minn €1 miljun, minn 35 fil-mija għal 25 fil-mija.
L-assoċjazzjoni iżda ddikjarat li tinsab imħassba bin-nuqqas ta’ dettalji konkreti dwar inċentivi għan-negozji biex jinvestu fid-diġitalizzazzjoni, fl-awtomazzjoni u f’attivitajiet b’valur miżjud ogħla, kif ukoll bin-nuqqas ta’ direzzjoni ċara dwar it-trasport tal-massa u d-diversifikazzjoni ekonomika. Fl-istess waqt, iż-żidiet fit-tariffi li jaffettwaw lill-ħaddiema barranin u lit-turiżmu jeħtieġu valutazzjoni bir-reqqa tal-implikazzjonijiet tagħhom għall-impjegaturi, għall-kompetittività u għall-prezzijiet. L-investiment fl-edukazzjoni jrid iwassal ukoll għal riżultati aħjar, sabiex il-forza tax-xogħol tkun mgħammra bil-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija futura ta’ Malta.
L-Assoċjazzjoni temmen li l-politika ekonomika trid tmur lil hinn milli sempliċement issostni l-attività ekonomika eżistenti. Qalet li Malta teħtieġ strateġija ċara u fit-tul li żżid il-produttività, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni, tappoġġa lill-familji u lin-negozji, u tiżgura li t-tkabbir ekonomiku jwassal għal titjib dejjiemi fil-kompetittività u fil-kwalità tal-ħajja.
“Super Bonus”…in-nefqa’ publika għandha tiġi evaluate skont il-valur li toħloq
Dwar is-Super Bonus, l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem qalet li tkompli tinsisti li n-nefqa pubblika għandha tiġi evalwata skont il-valur li toħloq. “In-nefqa kurrenti li ssostni l-konsum fuq medda qasira ta’ żmien mingħajr ma żżid il-produttività għandha tkun diretta aħjar lejn investiment intelliġenti fit-teknoloġija, fil-ħiliet, fl-infrastruttura diġitali, fis-sigurtà tal-enerġija, fil-kapaċità industrijali, fl-effiċjenza regolatorja u fil-kapaċità tal-esportazzjoni.”
Tilqa’ tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri
L-assoċjazzjoni qalet li ilha konsistentement tressaq ’il quddiem politika li tindirizza l-isfidi demografiċi u soċjoekonomiċi ta’ Malta. F’dan il-kuntest, tilqa’ t-tkomplija tat-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri kif imħabbar. L-Assoċjazzjoni tapprezza l-għan ta’ din il-miżura, li hija maħsuba biex tippremja lill-familji bit-tfal fid-dawl tat-tnaqqis fir-rata tat-twelid f’Malta. Madankollu, din hija sfida b’diversi dimensjonijiet li teħtieġ rispons nazzjonali li jinvolvi setturi differenti.
Għalkemm milqugħa, miżuri fiskali ta’ din ix-xorta, kif imħabbra fid-diskors tal-Baġit, iridu jkunu parti minn pjan sħiħ li jinkludi wkoll inizjattivi biex titqajjem aktar kuxjenza, inċentivi għal arranġamenti tax-xogħol flessibbli, u infrastruttura aktar b’saħħitha għaċ-childcare u għall-appoġġ lill-ġenituri. Dan sabiex il-ħajja tal-familja tkun aktar kompatibbli mal-aspirazzjonijiet professjonali.
