Fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-miżuri mħabbra fil-baġit, l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandi u r-Ristoranti (MHRA) irrikonoxxiet l-importanza ta’ miżuri ekonomiċi responsabbli, partikolarment fi żmien meta l-inċertezza ekonomika u ġeopolitika internazzjonali qed tkompli tikber. L-MHRA iddikjarat li qiegħda tappoġġja s-sejħa tal-Ministru għall-Finanzi, Clyde Caruana, għal aktar dixxiplina finanzjarja u tagħraf li s-salvagwardja tal-istabbiltà ekonomika ta’ Malta teħtieġ deċiżjonijiet diffiċli iżda meħtieġa. Hi iddikjarat iżda li madankollu, din ir-responsabbiltà għandha tinqasam b’mod ġust, u l-Gvern għandu jagħti l-eżempju.
Enfasizzat li bħala assoċjazzjoni, l-MHRA tinsab imħassba li s-settur tat-turiżmu qed jintalab jerfa’ sehem sinifikanti mill-piż finanzjarju li jirriżulta mill-aħħar miżuri tal-Baġit, filwaqt li n-nefqa rikorrenti tal-Gvern qed tkompli tiżdied. Qalet li hu diffiċli li wieħed jirrikonċilja s-sejħiet għal aktar dixxiplina finanzjarja indirizzati lejn is-setturi ekonomiċi produttivi maż-żieda kontinwa fl-ispiża tat-tmexxija tas-settur pubbliku.
Tenniet li l-Gvern għandu juri l-istess determinazzjoni fil-kontroll tan-nefqa tiegħu li qed jistenna min-negozji u mill-kontribwenti.
L-MHRA kompliet tgħid li ż-żieda raġonevoli fil-kontribuzzjoni ambjentali (eco-contribution) tista’ tkun ġustifikata biex tgħin biex il-Gvern ikompli jipprovdi appoġġ biex jinżammu taħt kontroll l-ispejjeż tal-enerġija. Madankollu, iż-żieda mħabbra għal €8 għal kull persuna għal kull lejl hija eċċessiva, anke meta mqabbla mal-istandards tal-Mediterran u tal-Ewropa, u tqajjem tħassib leġittimu dwar il-kompetittività ta’ Malta.
Dan mhuwiex l-uniku piż addizzjonali li qed jiffaċċja s-settur. Iż-żieda fl-ispejjeż marbutin mal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi (TCNs), li s-settur jiddependi fuqhom, flimkien ma’ spejjeż operattivi oħra, qed tpoġġi aktar pressjoni fuq in-negozji tat-turiżmu, u dan inevitabbilment se jaggrava l-isfidi li diġà jeżistu fis-suq tax-xogħol.
L-MHRA saħqet li “l-lukandi, ir-ristoranti u operaturi oħra fis-settur tal-ospitalità jiddependu b’mod sinifikanti fuq ħaddiema internazzjonali sabiex iżommu l-operat tagħhom għaddej u jżommu l-istandards tas-servizz. Filwaqt li l-MHRA tappoġġja regolamentazzjoni effettiva u reklutaġġ responsabbli, l-ispejjeż addizzjonali mħabbra relatati mal-impjieg jirriskjaw li jdgħajfu l-kompetittività ta’ Malta fi żmien meta s-swieq ewlenin tagħna qed jiffaċċjaw sfidi ekonomiċi u tnaqqis fil-kapital disponibbli għall-infiq.
L-impatt ta’ dawn il-miżuri jmur lil hinn mill-viżitaturi sensittivi għall-prezzijiet. Anke t-turisti li jonfqu aktar iqisu l-ispiża totali tal-vaganza tagħhom meta jqabbluha mal-kwalità tal-esperjenza fid-destinazzjoni. Malta ma tistax tassumi li l-ambizzjoni tagħha li tattira turiżmu ta’ valur ogħla tagħmilha li mix se tintlaqat mill-kompetizzjoni fil-prezzijiet. Dan kollu għandu jitqies ukoll fil-kuntest taż-żieda kontinwa fil-provvista ta’ sodod turistiċi u tal-applikazzjonijiet bla waqfien għal aktar akkomodazzjoni turistika ppjanata għas-snin li ġejjin. Dan jagħmel il-kontroll fuq l-espansjoni kontinwa tal-kapaċità tal-akkomodazzjoni turistika aktar kruċjali minn qatt qabel.”
Saħqet li “aktar ma Malta żżid sodod turistiċi, aktar tikber il-pressjoni biex tattira viżitaturi ħalli timliehom, u b’hekk tiżdied id-dipendenza fuq turiżmu tal-massa sensittiv għall-prezzijiet. F’suq fejn il-kapaċità tal-infieq qiegħda tiddgħajjef fis-swieq ewlenin ta’ oriġini tat-turisti, anke żidiet moderati fl-ispiża tal-vaganzi jistgħu jaffettwaw id-domanda. Minkejja dan, il-Gvern għadu qed jinċentiva aktar żvilupp ta’ akkomodazzjoni, u b’hekk ikompli jżid il-provvista diġà dejjem tikber ta’ sodod turistiċi. Din il-politika kontradittorja trid tieqaf. Malta ma tistax tkompli tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ aktar kapaċità ta’ akkomodazzjoni filwaqt li żżid l-ispiża biex wieħed iżur id-destinazzjoni, u fl-istess ħin tistenna bidla lejn turiżmu ta’ valur ogħla.”
L-assoċjazzjoni qalet ukoll li “strateġija kredibbli għat-turiżmu trid timmaniġġja kemm il-provvista kif ukoll id-domanda. Għaldaqstant, nappellaw għal rikonsiderazzjoni immedjata tal-politika u l-inċentivi li qed jinkoraġġixxu aktar żvilupp ta’ akkomodazzjoni, bi prijorità mogħtija lill-qligħ ekonomiku, il-kapaċità tal-infrastruttura, il-kwalità tad-destinazzjoni u l-benesseri tal-komunitajiet, aktar milli sempliċement lin-numru ta’ viżitaturi.”
Qalet ukoll li ż-żieda fil-kontribuzzjoni ambjentali applikabbli għall-kirjiet għal żmien qasir għandha tkun akkumpanjata minn regolamentazzjoni u infurzar aktar b’saħħithom, kif ukoll minn tqassim xieraq taż-żoni (zoning), sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva ta’ dawn il-proprjetajiet f’żoni residenzjali u jiġu indirizzati l-istorbju, l-imġiba diżordinata u disturbi oħra li jaffettwaw lill-komunitajiet.
L-Assoċjazzjoni talbet garanziji li parti sostanzjali mill-kontribuzzjoni ambjentali tibqa’ allokata speċifikament għat-titjib turistiku ta’ Malta. Qalet li l-viżitaturi u r-residenti għandhom jaraw titjib tanġibbli fil-kwalità tad-destinazzjoni, minflok ma din il-kontribuzzjoni ssir sors ieħor ta’ dħul ġenerali għall-Gvern.
