Saturday, December 28, 2024

Baġit minsus fuq il-qalb u l-politika soċjali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes kien preżenti għal konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-Aula Prima tal-Università Antika fil-Belt Valletta, fejn ingħatat ħarsa ġenerali lill-miżuri fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali mħabbra fil-Baġit 2022.

Dan il-baġit ġie f’kuntest fejn il-waiting list naqset bin-nofs bis-saħħa ta’ 700 allokazzjoni fi tliet snin, u barra minn hekk, l-għajnuna u l-iskemi kollha baqgħu fis-seħħ. Il-ministru qal li, “Tajjeb li wieħed jinnota li l-baġit tal-housing minn €29 miljun tela’ għal ftit aktar minn €40 miljun, fejn dan ifisser li se nżommu l-programmi kollha u se nkomplu nilħqu bżonnijiet ġodda.” Intant, tħabbru xi miżuri ġodda li permezz tagħhom se titkompla r-revoluzzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali permezz tal-Care Plan, se jiġu indirizzati wkoll sfidi ġodda ta’ affordabbiltà, se jissaħħaħ is-suq affordabbli b’alternattivi ġodda, u se tissaħħaħ l-iskema SSP. 

Flimkien mal-Università ta’ Malta ġie mniedi studju għal disinn ta’ Care Plan li dan il-baġit se jgħin biex jiġi implimentat, fejn se jiġi offrut programm ta’ għajnuna u servizzi speċifiċi għall-applikanti benefiċjarji tal-akkomodazzjoni soċjali. Ftit ftit dan il-Care Plan se jiġi estiż għall-applikanti u l-benefiċjarji kolla tal-akkomodazzjoni soċjali.

Ġew ippreżentati wkoll miżuri li se jilħqu kategoriji differenti ta’ nies u dħul. L-iskema Equity Sharing, li sa issa qiegħda miftuħa għal persuni li għandhom ‘il fuq minn 40 sena, se tiġi estiża għal persuni li għandhom ‘il fuq minn 30 sena, fejn il-gvern jidħol għal massimu ta’ 50% tal-proprjetà u għalhekk jissaħħaħ il-valur li jista’ jinkiseb f’self.

Għal kera iżjed affordabbli t-taxxa tal-proprjetà fuq il-bejgħ ta’ dar sa €200,000 li tkun ilha tinkera 10 snin b’rati affordabbli se torħos bin-nofs. Jekk tinbiegħ lill-inkwilin stess ma titħallas l-ebda taxxa. Fuq bejgħ ta’ proprjetajiet li ilhom jinkrew aktar minn tliet snin iżda inqas minn 10, li jinbiegħu lill-inkwilini eliġibbli għall-benefiċċju tal-kera maħruġ mill-Awtorità tad-Djar, it-taxxa se torħos bin-nofs. “Dan huwa inċentiv qawwi lis-sidien u opportunità lill-inkwilini biex isaħħu l-qagħda tagħhom b’mod li jkun ġust mas-sidien”, saħaq il-Ministru Galdes.

Sar ukoll ftehim biex jiġu kommessi €300,000 fis-sena għal Fondazzjoni għall-Housing Affordabbli biex tiġi assigurata provvista permanenti ta’ housing affordabbli. Se jissaħħaħ ukoll is-sussidju li jingħata lill-inkwilini f’kirjiet antiki kontrollati għal manutenzjoni strutturali li se jogħla minn €10,000 għal €25,000.

Il-Ministru Galdes temm jgħid li, “Wessajna x’nifhmu b’housing għax qed nadattaw għall-bżonnijiet taż-żminijiet tas-soċjetà Maltija b’metodu sensittiv li jilħaq bżonnijiet speċifiċi u differenti. Qed inħarsu lejn l-akkomodazzjoni bħala l-aħjar għodda għall-mobbiltà soċjali u qed noffru għażla ta’ akkomodazzjoni adegwata lil kulħadd.”

Ekonomija

Sport