Saturday, May 4, 2024

Ħames snin ħabs u multa ta’ €6,000 wara li ammetta li kien jittraffika d-droga

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Isla kien ikkundannat ħames snin ħabs u mmultat €6,000 wara li ammetta li kien jittraffika d-droga minn maħżen mikri lil Jordan Azzopardi magħruf bħala l-“El Chapo ta’ Malta”.

Axel Vella kien arrestat f’Ottubru tal-2018 flimkien ma’ 14-il persuna oħra waqt rejd għad-droga li kien sar fil-maħżen li jinsab fi Triq il-Vittmi tal-Gwerra f’Birkirkara. Ir-rejd kien sar b’kollaborazzjoni minn skwadri tal-Korp tal-Pulizija wara ġimgħat ta’ sorveljanza fuq il-maħżen li skont kif ínstema’ fil-qorti kien inbidel fi speċi ta’ ħanut li minnu tinbiegħ id-droga.

Il-Maġsitrat Doreen Clarke nnutat li ż-żagħżugħ kien naqas milli jimxi mal-pjan tal-Aġenzija Sedqa biex jirriforma ruħu mill-vizzju. Mhux biss, huwa nqabad fil-fatt jifforma parti minn ċirku ta’ traffikar ta’ droga fejn għadd ta’ persuni mhux biss kienu jmorru biex jixtru d-droga, iżda saħansitra kien hemm drabi fejn id-droga ġiet ikkunsmata fil-post. Hija rrimarkat ukoll li ż-żagħżugħ minflok ikkopera mal-Pulizija, qered evidenza li setgħet tintuża kontrih u kontra persuni oħra u li minkejja l-età tiegħu, huwa diġà nstab ħati b’reati oħra fil-passat fosthom serq, aggressjoni u ksur ta’ kundizzjonijiet relatati ma’ ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mis-Supretendent Frank Anthony Tabone u l-Ispettur Anthony Scerri.

Sport