Baħri Awstraljan li rnexxielu jibqa’ ħaj għal madwar xahrejn fl-Oċean Paċifiku billi kiel ħut nej u xorob l-ilma tax-xita jinsab f’kundizzjoni stabbli u saħansitra “tajjeb ħafna”.
Tim Shaddock ta’ 51 sena, flimkien mal-kelba tiegħu Bella telqu mill-Messiku lejn il-Polynesia, territorju Franċiż iżda barra ‘l pajjiż, f’April li għadda, iżda d-dgħajsa tagħhom ġarrbet ħsarat kawża ta’ maltempata diversi ġimgħat wara .
Huma ġew salvati minn bastiment wara li ħelikopter lemaħhom, bit-tabib abbord l-istess bastiment jgħid li r-raġel kien f’kundizzjoni tajba.
Is-Sur Shaddock imbarka fuq vjaġġ ta’ aktar minn 3,728 mil mill-belt Messikana ta’ La Paz, iżda malajr spiċċa mitluf wara xi ħsara li kellu fil-bastiment tiegħu kawża tal-maltemp.
Meta hu u l-kelba tiegħu nstabu ‘l barra mill-kosta tal-Messiku xahrejn wara, huwa deher li kien irqaq u anke b’daqna kbira. “Għaddejt minn prova diffiċli ħafna fuq il-baħar,” huwa sostna f’filmat miksub minn 9News.
“Għandi bżonn mistrieħ u ikel tajjeb għax ili ħafna waħdi fuq il-baħar. Mill-banda l-oħra ninsab f’kundizzjoni ta’ saħħa tajba ħafna,” qal Shaddock filwaqt li semma kif it-tagħmir tas-sajd għenu biex jgħix.
Huwa rnexxielu jevita l-qilla tax-xemx billi sab kenn taħt l-ilqugħ li kellu tad-dgħajsa tiegħu. Ftit wara s-salvataġġ tiegħu deher jitbissem u seta’ wkoll jiekol xi ħaġa ħafifa.
Il-bastiment tat-tonn li salvah jinsab fi triqtu lura lejn il-Messiku fejn hemmhekk Shaddock se jagħmel testijiet mediċi u mistenni jingħata aktar kura jekk meħtieġ.