Friday, January 17, 2025

Balzan jirbħu partita bilanċjata

Aqra wkoll

Balzan ……..3

Mosta ………2

Minn Cristian Muscat

Wara żewġ telfiet konsekuttivi, Balzan ħasdu lil Mosta meta għelbuhom bl-iskor ta’ 3-2, bil-goal tar-rebħa jasal proprju fl-aħħar ħames minuti.

Mosta fetħu l-iskor fl-14-il minuta, meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun spiċċa f’sa­qajn GIANCARLO GONCALVES li b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa spara ġewwa.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u ħames minuti wara, Kone avvanza tajjeb fil-kaxxa izda kellu x-xutt fil-baxx tiegħu jintemm barra.

Iżda Bazlan wettqu reaz­zjoni tajba u fil-25 minuta, għamlu l-iskor indaqs meta l-player tal-logħba, Victor Blasco, indirizza cross fil-kaxxa li sab lil LUKE LU­KOVIC li mill-viċin tefa’ ġewwa.

Balzan komplew jesprimu logħob sabiħ u fl-34 minuta, xutt ta’ Dimeji Awosanya minn pożizzjoni angolata ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper David Udoh Akpan.

Fil-41 minuta, Balzan resqu viċin li jaqilbu l-iskor favur tagħhom meta Alexander Ayo Akpan għadda tajjeb lejn Jankovic li kellu t-tentattiv tiegħu mill-viċin jiġi salvat parzjalment minn Akpan biex mir-rebound Jan Busuttil minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment barra.

Fil-45 minuta, Balzan tilfu opportunitá oħra ta’ skor meta minn kontrattakk ve­loċi, Blasco għadda tajjeb lejn Jan Busuttil li minn quddiem Akpan reġa’ xeħet barra.

Fit-48 minuta, Balzan marru fil-vantaġġ meta xutt ta’ Jan Busuttil kważi minn nofs il-ground ġie devjat għal ġewwa minn Clayton Failla, biex b’hekk irriżulta auto-goal sfortunat.

Fis-76 minuta, Mosta kis­bu d-draw meta Clayton Failla xeħet cross li sab lil ZACHARY BRINCAT li b’daqqa ta’ ras preċiża għe­leb lill-goalkeeper ta’ Balzan, Dylan Ciappara.

Iżda d-drama kienet għadha ma ntemmitx hawn meta, fil-85 minuta, Balzan skorjaw il-goal tar-rebħa meta Luke Lukovic xeħet cross fil-kaxxa, bil-ballun jasal għand ALEXANDER AYO AKPAN, li mill-viċin spara ġewwa.

BALZAN: 1-Dylan Ciappara, 5-Samir Arab, 7-Triston Caruana, 10-Jan Busuttil, 14-Dimeni Arsnaya, 17-Henri Braham Stanic, 18-Luka Jankovic (8-Nicholas Pulis 79), 21-Luke Lukovic, 23-Victor Blasco (11-Benjamin Hili 87), 27-Alexander Ayo Akpan (9-Isaac Westendorf 94), 42-Rafael da Silva Floro – Coach: Darryl Willard

MOSTA: 22-David Udoh Akpan, 4-Prince Afriyie, 5-Sasha Cachia, 6-Larsson Coulibaly (23-Joshua Agyemang 66), 9-Souleymane Kone, 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla, 21-Nathan Agius, 30-Sunday Okereke, 31-Jooa Victor Teixeira, 96-Oumar Yacoube Bamba (77-Zachary Brincat 66) – Coach: Joseph Grech

REFEREE: Alex Johnson

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Thomas Debono

RABA’ UFF: Fyodor Zammit

SKORERS: G. Goncalves 14, Z. Brincat 77 (M), L. Lukovic 26, C. Failla og 48, A. A. Akpan 86 (B)

AMMONITI: G. Goncalves, J. Agyemang (M)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport