Balzan ……3
Melita ……1
Minn Cristian Muscat
F’partita li ntagħbet quddiem attendenza ferm miżera, Balzan għelbu lil Melita, bl-iskor ta’ 3-1, biex irritornaw għar-rebħ wara xejn inqas minn tmien partiti konsekuttivi. Min-naħa ta’ Melita issa niżlu fl-aħħar post tal-klassifika.
Kienet partita xi ftit jew wisq nervuża fejn ġew innutati xejn inqas minn seba’ ammonizzjonijiet – tlieta għal Balzan u erbgħa għal Melita.
Kienu Balzan li ħolqu l-ewwel periklu fil-21 minuta meta Victor Blasco Llorens xeħet cross għan-nofs iżda ħadd mill-players sħabu ma rnexxielu jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Melita wieġbu fis-37 minuta meta wara li rċieva minn free-kick ta’ Alan Borg Olivier, Gareth Barone, kellu d-daqqa ta’ ras b’lura tiegħu salvata f’corner b’diffikultá mill-goalkeeper Serb ta’ Balzan, Danilo Golovic.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Balzan ħarġu ferm aggressivi u fid-49 minuta Dimeji Awsoanya għadda tajjeb lejn Victor Blasco Llorens li minn qagħda ideali spara għoli.
Minuta biss wara huma fetħu l-iskor meta Rafael Floro Da Silva xeħet cross fil-baxx li sab lil ALEXANDER AYO AKPAN li antiċipa lid-difensur dirett tiegħu u mill-viċin xeħet ġewwa.
Iżda fis-57 minuta, Melita kisbu d-draw meta ALDAIR PENA SIMANCA approfitta minn indeċiżjoni ta’ Golovic li ħarablu l-ballun minn idejh u minn taħt il-lasta tefa’ fix-xibka.
Balzan wieġbu fit-62 minuta meta Victor Blasco Llorens kellu x-xutt tieghu mill-viċin salvat f’corner minn Lubik.
U fis-76 minuta, il-Balzanin marru fil-vantaġġ minn DIMEJI AWOSANYA b’xutt angolat bil-ballun jaħbat ma’ sieq il-wieqfa qabel intemm ġewwa.
Fil-ħin miżjud, it-team ta’ Andrew Cohen issiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal meta Jan Busuttil ipprovda l-assist lil DIMEJI AWOSANJA li avvanza tajjeb fil-kaxxa u b’xutt fil-baxx tefa’ ġewwa, u b’hekk irreġistra doppjetta.
BALZAN: 99-Danilo Golovic, 5-Samir Arab, 6-Marcus Grima, 8-Nicholas Pulis, 10-Jan Busuttil (9-Warren Borg 94), 14-Dimeji Awosanya (19-Gabriel Diego Farrugia 94), 17-Henri Braham Stanic, 23-Victor Blasco Llorens (24-Gianluca Cacciatore 63), 27-Alexander Ayo Akpan (44-Marko Bacanin 89), 42-Rafael Da Silva Floro, 77-Elvis Kamsoba – Coach: Andrew Cohen
MELITA: 12-Aleksander Andrzej Lubik, 3-Aldair Pena Simanca (21-Nick Cutajar 79), 6-Jean Pierre Attard, 11-Alan Borg Olivier (7-Karl Mohnani 69), 13-Marc Van De Font Bovenkamp, 14-David Xuereb (22-Gyamfi Collins 79), 19-Jesus Andres Yepez Morlets, 24-Gareth Barone, 26-Kurt Bondin (18-Ensell Attard 83), 27-Andres Camilo Gonzales Sanchez, 77-Santiago Martinez Perlaza – Coach: Clive Mizzi
REFEREE: Glen Tonna
ASS. REFEREES: Luke Portelli, Mitchell Scerri
RABA’ UFF: Trustin Farrugia Cann
SKORERS: A. A. Akpan 50, D. Awosanya 76, 92 (B), A. Pena Simanca 57 (M)
AMMONITI: J. P. Attard, A, Pena Simanca, K. Mohnani, N. Cutajar (M), M. Grima, N. Pulis, V. Blasco Llorens (B)