Friday, December 20, 2024

Baqgħet issegwi l-progress ta’ mara tqila anke wara li biddlet ħajjitha

L-Imħallef Natasha Galea Sciberras tgħid li l-ġudikatura għandha rwol li tgħin lil min jitressaq quddiemha

Aqra wkoll


L-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet li r-rwol tal-ġudikatura mhuwiex sempliċiment li tagħti s-sentenzi u tikkundanna iżda wkoll li tapplika l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tgħin lil dawk li jitressqu quddiemha. 

Hija ddikjarat dan fl-ewwel seduta tagħha wara li nħatret bħala Imħallef fil-Qrati Superjuri ta’ Malta. L-Imħallef Galea Sciberras bdiet billi qalet li l-ħajja fil-ġudikatura mhix waħda faċli. 

“Hi ħajja ta’ servizz, studju u riċerka kostanti, kważi totalment iddedikata għax-xogħol, li ġġorr responsabbiltajiet kbar,” hija żiedet tgħid. “L-ebda ammont ta’ preparazzjoni ma tista’ tipprepara b’mod sħiħ lill-maġistrati, b’mod partikolari dwar li jservu bħala Maġistrati tal-Għassa f’xi ġurnata partikolari, biex jiffaċċjaw is-sitwazzjonijiet varji li jistgħu jiltaqgħu magħhom.”

Hija qalet li għandu jiġi kkunsidrat taħriġ għal Maġistrati ġodda, filwaqt li ssuġġeriet li l-membri rtirati tal-ġudikatura jistgħu jkunu ta’ għajnuna sabiex jaqsmu l-għarfien legali u l-esperjenza vasta tagħhom.

Enfasizzat li llum il-ġurnata m’għadhiex tagħmel sens id-distinzjoni bejn Imħallfin u Maġistrati u dan hekk kif l-ammont ta’ xogħol tal-maġistrati huwa daqstant voluminuż u l-kompetenza tagħhom m’għadhiex limitata għal reati soġġetti għal ftit xhur priġunerija iżda issa tista’ testendi għal reati b’terminu massimu sa 12-il sena ħabs. Barra minn hekk, żdiedu wkoll l-ammont ta’ każijiet quddiemhom, partikolarment dawk relatati mat-teknoloġija moderna.

L-Imħallef Galea Sciberras ddeskriviet ukoll bħala “pass pożittiv ‘il quddiem” il-proposta riċenti biex jinħatru maġistrati li jiffokaw speċifikatament fuq l-inkjesti, peress li se tnaqqas ħafna mix-xogħol tal-maġistrati sedenti u tippermettilhom jikkonċentraw fuq il-kawżi pendenti u s-sentenzi. 

Finalment hija tenniet li l-Qrati għandhom dejjem jużaw l-għodod kollha li għandhom sabiex jassistu lil dawk li jeħtieġu l-għajnuna. Hija rrakkontat episodju ta’ mara li kellha l-problema tad-droga.

Semmiet kif l-ewwel darba li din il-mara tressqet quddiemha, tant kienet irqiqa li mal-ewwel daqqa t’għajn ma ndunatx li kienet tqila. Iżda bi sforz min-naħa tagħha u bl-għajnuna kollha mogħtija lilha mill-Qorti, il-mara rnexxielha tibdel ħajjitha. Hija xorta waħda baqgħet issegwi l-progress tal-mara u dan permezz tal-uffiċjal tal-probation tagħha.

Ekonomija

Sport