Friday, May 3, 2024

Dar għal priġunieri li jkunu fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom

Aqra wkoll

Fil-Birgu, ġiet miftuħa ‘Dar Bla Ħitan’, dar li se tkun qed tilqa’ priġunieri fl-aħħar parti tas-sentenza tagħhom fejn hemmhekk se jkunu qed isegwu programm ta’ riabilitazzjoni u riintegrazzjoni ta’ bejn 12 u 18-il xahar organizzat mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, bl-għan li dawn il-persuni jirritornaw fil-komunità bħala persuni aħjar. Dan wara ftehim li ġie ffirmat bejn mid-Dlam għad-Dawl u l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi. 

Dan il-programm ipoġġi fiċ-ċentru l-kuntatt mal-familjari bħala parti intrinsika mill-proċess kollu riabilitattiv u se jkun qed isir grazzi għal numru ta’ professjonisti fil-qasam. 

Din id-dar ġiet inawgurata mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u fil-preżenza ta’ membri tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.

Permezz ta’ għajnuna mill-Gvern ġie provdut il-post u anke ngħataw il-finanzi sabiex ikun jista’ jiġi rranġat filwaqt li b’mod sussegwenti ġie ffirmat ftehim sabiex ikun hemm il-finanzjament tal-operat tad-dar.

Il-Ministru Roderick Galdes qal li ftuħ ta’ din id-dar jibgħat messaġġ b’saħħtu kemm verament l-akkomodazzjoni tmur lil hinn mill-istruttura tal-binja. “L-akkomodazzjoni, f’dan il-każ, se jkollha rwol kruċjali fl-integrazzjoni mill-ġdid b’suċċess tal-individwi fis-soċjetà,” stqarr il-Ministru Galdes.

“Dan il-proġett huwa riflessjoni tal-politika pro-attiva li jaddotta dan il-Gvern tant li permezz ta’ dan il-proġett qed nibgħatu messaġġ b’saħħtu li kommessi li nindirizzaw kawżi ewlenin mill-għeruq tagħhom biex individwi li jkunu waslu fl-aħħar tas-sentenza jew ikunu skontaw is-sentenza jkunu mgħejuna jintegraw lura mal-familja tagħhom u mas-soċjetà inġenerali,” tenna l-Ministru Galdes.

Il-Ministru Roderick Galdes ikkonkluda jgħid li, permezz ta’ din id-dar, qegħdin joffru t-tama lil dawn il-priġunieri kif ukoll lill-familjari tagħhom, sabiex iħarsu ’l quddiem u jkomplu mixjin fit-triq tal-integrazzjoni fis-sens wiesgħa tagħha.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li fl-aħħar ftit snin enfasizzaw ħafna li fis-sistemi korrettivi jkun hemm l-ordni u jkunu ffukati dejjem aktar fuq ir-riabilitazzjoni, inkluż billi ġew ingaġġati diversi professjonisti sabiex jassistu f’dik ir-riabilitazzjoni. Dawn il-professjonisti jikkonsistu fi professjonisti soċjali, mediċi, sportivi u oħrajn, li kollha flimkien għandhom l-għan illi jgħinu aktar fir-riabilitazzjoni tal-persuni li jkunu qed jiskontaw sentenza. 

“Din tal-lum hi deċiżjoni oħra li hi ffukata fuq ir-riabilitazzjoni ’l bogħod mill-ħabs innifsu, dan hekk kif hija t-tieni halfway house li qed niftħu sabiex iservi fir-riabilitazzjoni ta’ persuni li jkunu waslu fl-aħħar żmien tas-sentenza tagħhom u għalhekk jiġu preparati aħjar minn professjonisti sabiex jintegraw lura fis-soċjetà,” qal il-Ministru Camilleri.

Il-Ministru Byron Camilleri kompla jispjega kif il-kollaborazzjoni ma’ mid-Dlam għad-Dawl issa qed isir fuq tliet binarji, l-ewwel permezz tal-operat ta’ din id-dar, permezz tal-proġett Locked Out fejn qed isiru sessjonijiet ta’ terapija għall-priġunieri u l-familjari tagħhom u anke permezz ta’ dar għall-familja fil-Marsa fejn priġunieri qed jiltaqgħu ma’ uliedhom ċkejknin ‘il bogħod mill-bini tal-ħabs. 

Fl-aħħarnett, il-Ministru Camilleri qal li Dar bla ħitan hija d-dar taċ-ċans ieħor. “Dar fejn it-tama l-aħħar li tmut. Dar li l-għan tagħha hu li tiffoka fuq ir-riabilitazzjoni tal-persuna u tara li dak il-persuna jirritorna lura fis-soċjetà bħala persuna riabilitata u aħjar,” temm jgħid il-Ministru.

F’kelmtejn iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl George Busuttil tenna li Dar Bla Ħitan hija tkomplija ta’ proġett ieħor tal-Fondazzjoni, Locked Out, fejn aktar minn mitt familja ta’ priġunieri rċevew b’xejn sessjonijiet ta’ terapija tal-familja. Huwa żied jgħid li permezz ta’ dan il-programm kienu mhux ftit li reġgħu ingħaqdu bħala familja. “Issa f’din id-dar se nkunu qegħdin nagħmlu l-istess xogħol imma b’aktar  intensità ma’ numru żgħir ta’ priġunieri li waslu fl-aħħar tas-sentenza tagħhom,” temm jgħid George Busuttil.

Sport